Tuesday, October 21, 2025

“Il-Festival taċ-Ċikkulata hu parti minna… kull sena se nibqgħu nġibu xi ħaġa ġdida”

- is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut

Aqra wkoll

Kien hemm ċerta diqa fost ħafna dilettanti taċ-ċikkulata meta ġie mħabbar li l-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun kellu jitħassar minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp. Iżda, bħalma jispjega s-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut f’intervista li għamilnielu, il-Kunsill Lokali ma riedx li attività daqshekk maħbuba mill-Maltin u l-Għawdxin tintilef. Għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li l-festival jiġi pospost għall-Ħadd, 26 ta’ Ottubru, sabiex il-pubbliku xorta jkun jista’ jgawdi din l-esperjenza unika. 

“Ma setax ikun li wara tant xogħol, tant preparazzjoni u dedikazzjoni, il-festival jintilef minħabba x-xita,” qal is-Sindku Sammut b’ċerta sodisfazzjon li nstabet soluzzjoni. “Il-festival huwa wieħed mill-aktar avvenimenti popolari fil-kalendarju kulturali tagħna, u jġib flimkien eluf ta’ nies mhux biss mill-Ħamrun, imma minn madwar Malta u anke t-turisti li jżuruna apposta għalih.”

Il-festival ta’ nhar il-Ħadd se jsir bejn l-10:30am u s-6pm tul Triq il-Kbira San Ġużepp, fejn il-Ħamrun jerġa’ jimtela bil-ferħ, bil-mużika, u fuq kollox, bl-aroma irresistibbli taċ-ċikkulata. Kull rokna tat-triq se tinbidel f’xena vivaċi ta’ kuluri u togħmiet, bil-parteċipazzjoni ta’ 78 entità privata u mhux governattiva, fosthom 45 esebitur li se joffru prodotti differenti kollha marbuta maċ-ċikkulata.

Is-Sindku Sammut jgħid li din is-sena riedu jagħmlu l-edizzjoni aktar kreattiva minn qatt qabel. “Il-festival qiegħed jiċċelebra l-15-il anniversarju tiegħu, u ridna nagħtuh dehra ġdida, b’tema li tattira kemm lit-tfal kif ukoll lill-adulti. Għalhekk, din is-sena se jkollna żewġ attrazzjonijiet kbar: ‘Jurassic World Rebirth’ u ‘Assassin’s Creed’, b’figuri kbar magħmula kompletament miċ-ċikkulata,” spjega Sammut.

Dawn ix-xogħlijiet, kollha magħmula bl-idejn u b’ħila kbira, huma frott ix-xogħol ta’ Tiziano Cassar u Chris Zammit, żewġ artiġjani li għandhom talent straordinarju. Sammut jżid li “meta tara dawn il-figuri, tifhem kemm hemm ħidma, kreattività u passjoni wara dan il-festival. Mhux biss qed niċċelebraw iċ-ċikkulata bħala prodott, imma wkoll bħala mezz artistiku.”

Il-festival mhux biss jiffoka fuq il-ħelu, imma esperjenza sħiħa ta’ kultura u divertiment. Din is-sena, il-viżitaturi jistgħu jgawdu minn birra u kafè magħmula miċ-ċikkulata, żewġ prodotti li se jiġu introdotti għall-ewwel darba. “Ridna noħolqu esperjenza li ma tinsiex,” jgħid is-Sindku Sammut, “fejn in-nies mhux biss jduqu ċ-ċikkulata tradizzjonali, iżda jiskopru wkoll innovazzjonijiet ġodda li juru kemm dan il-prodott jista’ jkun versatili.”

Minbarra l-ħelu, se jkun hemm sezzjoni kbira għat-tfal b’logħob u attivitajiet interattivi, il-knejjes se jkunu miftuħin għall-pubbliku, se jkun hemm ukoll spettakli mużikali differenti matul il-ġurnata, u stands tematiċi minn pajjiżi differenti, li juru kif iċ-ċikkulata tiġi ppreparata u servuta madwar id-dinja.

Il-Kunsill ħaseb ukoll fil-konvenjenza ta’ dawk li jżuru l-lokalità, b’postijiet ta’ parking disponibbli fl-iskejjel ewlenin tal-Ħamrun, sabiex kulħadd ikun jista’ jattendi b’faċilità u kumdità.

Matul l-intervista, Sammut tenna kemm dan l-avveniment hu importanti għall-komunità Ħamruniża. “Il-Festival taċ-Ċikkulata sar parti minn min aħna,” jgħid hu. “Huwa avveniment li jgħaqqad lin-nies, jiġbed l-attenzjoni fuq il-Ħamrun, u juri kemm għandna x’noffru bħala lokalità. Jiena kburi bil-fatt li kull sena dan il-festival ikompli jikber u jġib miegħu opportunitajiet ekonomiċi għal ħafna negozji lokali.”

Is-sena l-oħra, il-festival kellu attrazzjoni ispirata minn Gianluigi Buffon, li kienet saret suċċess kbir. Din is-sena, it-tim tal-organizzazzjoni xtaq imur pass ’il quddiem. “Qed nippruvaw noħolqu xi ħaġa li verament tolqot lin-nies, u għalhekk ħsibna li t-tema ta’ Jurassic Park u Assassin’s Creed tkun idea friska, moderna u li tattira lill-ġenerazzjonijiet kollha,” jgħid Sammut. Huwa żvela wkoll li se jkun hemm props oriġinali minn films li nħadmu f’Malta, dettall li żgur se jiġbed l-attenzjoni tal-viżitaturi u l-midja.

Il-festival għandu wkoll l-appoġġ tal-Gvern, b’Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, tfaħħar il-ħidma konsistenti tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Hija qalet li dan l-avveniment hu xhieda tal-kwalità u l-livell ta’ attivitajiet li l-kunsilli lokali qed joffru madwar il-pajjiż.

Meta tkellimna dwar kif jara l-futur ta’ dan il-festival, is-Sindku Sammut wera ottimiżmu. “Il-Ħamrun ilu snin jissaħħaħ bħala ċentru kulturali f’Malta. Il-festival taċ-Ċikkulata hu wieħed mill-proġetti li jsaħħu dan l-impenn tagħna. Irridu li n-nies jaraw il-Ħamrun mhux biss bħala lokalità kummerċjali, imma bħala post fejn il-kultura, l-arti u l-aspett kulinarju jiltaqgħu flimkien.”

Hu żied jgħid li kull sena l-festival jiġbed aktar minn 25,000 ruħ, u dan hu indikazzjoni ċara tal-impatt tiegħu. “L-enerġija li tħoss f’dawk il-ġranet hija xi ħaġa speċjali. Tara l-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ u anke t-turisti kollha jgawdu flimkien. Dik hija l-akbar sodisfazzjon tiegħi bħala Sindku.”

Il-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun ma jfissirx biss ġurnata mimlija ħelu u pjaċir, imma jirrappreżenta l-passjoni, il-kreattività u l-ispirtu komunitarju tal-Ħamruniżi. Minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, il-Kunsill Lokali u s-Sindku Sammut żammew sodi fil-fehma tagħhom li din l-attività ma tistax tintilef.

Bħalma qal Sammut fl-aħħar tal-intervista: “Ix-xita tista’ ddaħħallek xi diffikultà, imma qatt ma tħassar l-entużjażmu tal-Ħamrun. Il-Festival taċ-Ċikkulata hu parti minna, u kull sena se nibqgħu nġibu xi ħaġa ġdida biex inkomplu nġibu tbissima fuq fomm kull min iżur il-lokalità tagħna.”

Dan il-festival, li reġa’ se jimla Triq il-Kbira San Ġużepp bil-ħajja u bil-fwieħa taċ-ċikkulata, jibqa’ xhieda ħajja tal-mod kif il-Ħamrun qiegħed jgħaqqad it-tradizzjoni mal-innovazzjoni, u kif il-passjoni tista’ toħloq esperjenzi li jibqgħu f’qalb il-komunità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport