Thursday, April 18, 2024

IL-FIDUĊJA TAGĦNA Ż-ŻGĦAŻAGĦ F’ROBERT ABELA

Aqra wkoll

Minn Omar Farrugia – Sindku tal-Imqabba u Kandidat Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq il-Ħames Distrett

Is-sentejn li ilu jmexxi pajjiżna Robert Abela u li qegħdin infakkru f’dawn il-jiem, kienu snin li fih rajna l-fiduċja taż-żgħażagħ Maltin fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista tkompli tikber u tissaħħaħ. Lil hinn minn dak li kontinwament jgħidu is-sondaġġi politiċi li jsiru mill-ġurnali, ma jistax ikun mod ieħor, għaliex kull min huwa żagħżugħ bħali qiegħed jagħraf li l-Prim Ministru wera bil-provi kemm huwa stess għandu fiduċja fil-ġenerazzjoni tagħna.

Robert Abela ma jitlifx okkażjoni milli jinkoraġġina u jħeġġiġna nersqu ‘l quddiem u nikkontribwixxu bl-ideat tagħna u nagħtu s-sehem tagħna fil-politika. Sa mill-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru sentejn ilu, Robert Abela ta prova tal-fiduċja tiegħu fiż-żgħażagħ meta ħatar diversi Ministri f’karigi importanti fil-kabinett tiegħu. Kien huwa wkoll li wassal biex iż-żgħażagħ li jagħlqu s-sittax-il sena, mhux biss jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali imma wkoll jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali. 

Fin-natura tagħna ż-żgħażagħ aħna nies li nħobbu naraw li jittieħdu d-deċiżjonijiet, u li l-affarijiet jimxu ‘l quddiem. F’Robert Abela naraw mexxej li jiddeċiedi u jieħu deċiżjonijiet tajbin għall-ġid tal-pajjiż. Kellu deċiżjonijiet iebsa x’jieħu fl-aħħar sentejn meta f’pajjiżna bħall-kumplament tad-dinja, riedna nilqgħu għall-pandemija li ħarbtet il-ħajja ta’ kulħadd. Robert Abela ma beżax jieħu d-deċiżjonijiet biex iħares is-saħħa tan-nies u anke l-għajxien tagħhom. 

Illum, aħna ż-żgħażagħ qegħdin ingawdu wkoll mid-deċiżjonijiet tajba li ttieħdu għaliex għandna mhux biss l-inqas rata ta’ qagħad fl-Ewropa, imma wkoll l-inqas rata ta’ qagħad fost iż-żgħażagħ. Il-Gvern ta’ Robert Abela kompla jinkoraġixxi liż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw b’bosta inizjattivi fosthom li għal darb’oħra reġa’ żied l-istipendji tal-istudenti.

Rajna lil Robert Abela jiddeċiedi wkoll favur tema oħra għal qalb iż-żgħażagħ, dik tal-ambjent fejn nistgħu naraw x’impenn qawwi qed juri l-Gvern biex intejbu l-ambjent li qed ngħixu fih, nagħtu spazji miftuħa lin-nies, nagħtu infrastruttura kif tixraq u moderna għall-kumdita ta’ kulħadd, nagħtu faċilitajiet sportivi mill-aqwa, u bosta inizjattivi oħrajn. Rajna wkoll lil Robert Abela jkompli jieħu deċiżjonijiet favur iż-żgħażagħ biex dawn ikollhom id-dar tagħhom b’inċentivi ta’ iffrankar ta’ taxxi għall-koppji żgħażagħ li jkunu qed jixtru l-ewwel dar tagħhom.

F’Robert Abela aħna ż-żgħażagħ naraw ukoll mexxej riformista li ma jibżax mill-bidla u jbiddel fejn hemm bżonn biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Taħt it-tmexxija tiegħu, seħħ it-tibdil fil-liġi kif ukoll, rajna l-bidla fil-liġi dwar l-użu tal-kannabis u ġie rregolarizzat dan il-qasam, fost ħafna oħrajn.

Bħala żagħżugħ inħoss li nkun qed nesprimi l-fehma ta’ eluf ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin meta nistqarr li b’Robert Abela fit-tmexxija tal-pajjiż għandna garanzija li se nkunu nistgħu nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni tal-pajjiz. Is-sentejn li għaddew urewna biċ-ċar li t-tmexxija tiegħu hija waħda mimlija enerġija lesta għal kull sfida li jkollu quddiemu l-pajjiż. Bil-fiduċja tagħna ż-żgħażagħ warajh u l-maġġoranza tal-poplu Malti, Robert Abela jkompli jmexxina fit-triq biex il-pajjiż jikseb aktar suċċessi.

Ekonomija

Sport