Tuesday, November 26, 2024

Il-FIFA tinnegozja l-ħruġ ta’ players u atleti mill-Afghanistan

Aqra wkoll

Il-korp governattiv tal-football mondjali, il-FIFA, qalet li qed “tinnegozja l-evakwazzjoni kumplessa” ta’ players tal-football u atleti oħra mill-Afghanistan.

Il-Gvern Awstraljan evakwa 50 atleta mara nhar it-Tlieta wara li nisa sportivi esprimew biżgħat għas-sigurtà tagħhom taħt ir-reġim Taliban. U ħafna mill-players nisa tal-football tal-pajjiż qed jinħbew.

Il-FIFA qalet li qed taħdem ma’ “gverni­jiet u organizzazzjonijiet rilevanti”.

Żewġ splużjonijiet fl-ajruport ta’ Kabul li seħħew nhar il-Ħamis qatlu mill-inqas 60 persuna u ndarbu 140 oħra.

Il-FIFA kitbet lil numru ta’ gvernijiet aktar kmieni f’Awwissu biex titlob l-evakwaz­zjoni ta’ players nisa.

Matul it-tmexxija preċedenti tagħhom mill-1996 sal-2001, it-Taliban waqqfu lill-bniet milli jirċievu kwalunkwe forma ta’ edukazzjoni, filwaqt li n-nisa ma setgħux jaħdmu jew jitilqu mid-dar mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn raġel qarib.

Dawk li sfidawhom ġeneralment irċevew kastigi u swat.

“It-tmexxija tal-FIFA hija nvoluta personalment fin-negozjar tal-evakwazzjoni kumplessa tal-players tal-football u atleti oħra,” qalet l-għaqda dinjija.

“Dan huwa ambjent estremament ta’ sfida u, minħabba s-sitwazzjoni delikata u volatili fuq l-art, jekk jogħġbok ifhem li ma nistgħux nipprovdu aktar dettalji f’dan l-istadju.”

Sport