Sunday, December 22, 2024

Il-FIFA tinvestiga abbuż razzjali mmirat lejn Rahemm Sterling u Jude Bellingham

Aqra wkoll

Il-FIFA qed tinvestiga abbuż razzjali mmirat lejn players tal-Ingilterra waqt ir-rebħa ta’ 4-0 ta’ nhar il-Ħamis fuq l-Ungerija f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja f’Budapest.

Raheem Sterling u Jude Bellingham kienu ż-żewġ players fil-mira.

L-Ingilterra kkundannat l-abbuż bħala “kompletament inaċċettabbli”.

Il-Prim Ministru Boris Johnson ħeġġeġ lill-FIFA “biex tieħu azzjoni qawwija kontra dawk responsabbli biex tiżgura li dan it-tip ta’ mġieba ta’ għajb jinqered mil-logħba għal kollox.”

Nhar il-Ġimgħa, Johnson kiteb fuq Twitter li: “Huwa kompletament inaċċettabbli li l-players tal-Ingilterra ġew abbużati razzjalment fl-Ungerija lbieraħ filgħaxija.”

Il-korp governattiv dinji tal-football, il-​​FIFA, qalet li “se tieħu azzjonijiet adegwati” ladarba tirċievi rapporti minn uffiċjali tal-logħba u delegati li kienu fil-logħba.

Minkejja li l-UEFA ordnat lill-Ungerija tilgħab tliet logħbiet ġewwa darha bil-bibien magħluqa wara l-imġieba diskriminatorja tal-partitarji, il-partitarji tħallew jidħlu nhar il-Ħamis hekk kif il-logħba ġiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-FIFA.

Il-projbizzjoni tal-Uefa hija relatata mar-razziżmu u mġiba diskriminatorja oħra li seħħet matul l-Euro 2020 f’Ġunju.

Filwaqt li l-UEFA tamministra l-logħob ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja li jinvolvu timijiet Ewropej, il-FIFA kapaċi tieħu azzjoni għax hija l-kompetizzjoni tagħhom.

“Il-FIFA tirrifjuta bil-qawwa kull forma ta’ razziżmu u vjolenza u għandha pożizzjoni ċara ħafna ta’ tolleranza żero għal imġieba bħal din fil-football,” qal il-korp governattiv globali tal-logħba.

Ekonomija

Sport