Il-finali tal-IZIBET FA Trophy se ssir fit-30 ta’ April 2023, bis-semi-finali jintlagħbu matul l-istess ġimgħa. Dan tħabbar waqt laqgħa tal-Bord Eżekuttiv, li saret l-Erbgħa wara nofsinhar fil-Boardroom tal-Gozo Football Association.
Il-poloz tar-Round ta-32 u r-Round tas-16 tal-istess kompetizzjoni se jsiru fl-4 ta’ Jannar 2023. Ir-Round tat-32 jintlagħab fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar u r-Round tas-16 jintlagħab fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar 2023.
Ħlasijiet ta’ solidarjetà
Minn din is-sena, il-ħlasijiet ta’ solidarjetà se jiġu rduppjati u l-Malta FA mistennija tiġi allokata €1.18 miljun. Il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, ħabbar li 50% tal-pot se jiġi allokat lit-timijiet tal-Kampjonat Premier u l-50% li jifdal xorta se jkunu mifruxa fuq klabbs differenti. Dawn l-ammonti huma maħsuba biex jiġu utilizzati mill-klabbs riċevituri għal skopijiet ta’ żvilupp fi ħdan is-set-up taż-żgħażagħ tagħhom.
Minn din is-sena, il-futbol tan-Nisa se jkollu l-pot tiegħu u se jiġi kkunsidrat separatament. Id-dħul mill-iskema għall-klabbs tan-nisa huwa derivat mill-kompetizzjoni tal-UEFA Women’s Champions League.