Teżisti possibbiltá kbira li l-finali tal-UEFA Champions League tibda tintlagħab fl-Istati Uniti fil-futur qrib.
Qed jingħad li l-UEFA u diversi korpi governattivi oħra qed iħarsu lejn din il-proposta “b’mod favorevoli”.
Il-promoturi Amerikani huma determinati li “jieħdu” din il-finali prestiġjuża lejn il-pajjiż tagħhom biex jespandu s-suq.
Din l-akbar finali tal-kompetizzjonijiet tal-club Ewropej dejjem intlagħbet fil-kontinent Ewropew u din l-idea hija sfida kbira.
Madankollu, il-vantaġġi finanzjarji huma enormi peress li mossa bħal din timmultiplika l-bejgħ ta‘ sponsorizzazzjoni u drittijiet tat-televiżjoni.
Ftit wara l-elezzjoni tal-2016 li fiha ġie elett, il-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin, kien ippreżenta l-prospett li l-finali tal-UEFA Champions League tinħareġ mill-Ewropa.
Sitt snin ilu Ceferin kien qal: “Naħseb li tista’ tkun idea fil-futur imma rridu nitkellmu dwarha.
“Li tmur mill-Portugall għall-Azerbaijan, per eżempju, hija kważi l-istess bħallikieku tmur New York. Għall-partitarji żgur li ma tkunx problema”