Skont statistika maħruġa mill-Open Society Institute bbażat f’Sofija fil-Bulgarija, il-Finlandja ġiet fl-ewwel post fl-indiċi tal-iktar pajjiżi li jippreparaw l-istudenti bl-aktar mod effettiv biex jifhmu aħjar liema aħbarijiet ikunu veritieri fuq il-mezzi tax-xandir. Din l-istatistika dwar litteriżmu fil-qasam tal-media hija magħrufa bħala l-Media Literacy Index u l-istudju sar fl-2022.
Wara l-Finlandja spiċċaw in-Norveġja, id-Danimarka u l-Estonja, segwiti mill-Iżvezja u l-Irlanda. L-istudju sar f’41 pajjiż Ewropew, b’Malta tikklassifika fis-26 post. Dawn il-pajjiżi Nordiċi ġew deskritti bħala dawk li għandhom l-aħjar metodi kif irażżnu u jikkontrollaw l-impatt negattiv ta’ aħbarijiet foloz jew fake u oħrajn ta’ miżinformazzjoni. Dan grazzi għall-kwalita’ għolja ta’ edukazzjoni offruta, il-liberta’ tal-mezzi tax-xandir u l-livell għoli ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini. L-istatistika indikat li l-aħjar pajjiżi f’dan ir-rigward huma dawk Nordiċi.
Dan l-istudju sar fl-istess perjodu meta kienu qiegħed jiġu mxerrda aħbarijiet anki mhux veritieri dwar l-imxija tal-Covid 19 u l-bidu tal-kunflitt fl-Ukrajna. L-ewwel darba li kien ġie ppublikat dan l-indiċi kien fl-2017 u kien jinkludi 35 pajjiż filwaqt li fl-2022 inkluda numru ta’ pajjiżi oħra biex tella’ n-numru għal 41. L-indiċi josserva l-livell ta’ vulnerabbilita’ taċ-ċittadini għal aħbarijiet foloz jew fake news billi janalizza l-livell ta’ awtonomija u liberta’ li tgawdi l-media, l-edukazzjoni offruta f’dan il-qasam u indikaturi ta’ fiduċja fl-aħbarijiet li jingħataw lis-soċjetà. Dan huwa l-ewwel indiċi li jinkludu kważi l-pajjiżi kollha Ewropej.
L-istudju wera biċ-ċar li pajjiżi fit-Tramuntana jew il-Punent tal-Ewropa għandhom livell aktar għoli ta’ resiljenza għall-aħbarijiet foloz jew fake news. Dan grazzi għal kwalita’ aħjar ta’ edukazzjoni f’dan il-qasam, djar tal-media kkunsidrati aktar indipendenti u livell għoli ta’ fiduċja bejn iċ-ċittadini. Min naħħa l-oħra pajjiżi li jinsabu fin-nofsinhar jew il-lvant tal-Ewropa huma ġeneralment aktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tal-aħbarijiet foloz jew fake news. Dan ħafna drabi hu r-riżultat ta’ mezzi tax-xandir aktar ikkontrollati, nuqqasijiet fl-edukazzjoni u anqas fiduċja fil-mezzi tax-zandir min naħħa tas-soċjetà inġenerali.
Il-livell ta’ awtonomija u liberta’ li tgawdi l-media huwa kkunsidrat prerekwiżit fundamentali biex wieħed jiffaċja problemi relatati ma’ aħbarijiet foloz jew fake. L-edukazzjoni tibqa essenzjali biex wieħed jindirizza l-aħbarijiet foloz u jintqal li għandu jkun hemm programmi adegwati kemm għall-istudenti u anki għall-adulti f’dan il-qasam. Dan kollu għandu jkun ikkumplimentat minn miżuri regolatorji. Ir-raġuni hija wkoll minħabba li fl-aħħar snin żdiedu aktar is-sitwazzjonijiet fejn jiġu mxerrda aħbarijiet foloz. L-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti fl-2016, l-imxija tal-Covid 19 fl-2020 u l-gwerra fl-Ukrajna huma eżempju ta’ dan. Dawn il-ġrajjiet żiedu sew is-sitwazzjonijiet ta’ diżinformazzjoni.
Fil-fatt, illum l-Unjoni Ewropea tagħmel differenza bejn diżinformazzjoni u miżinformazzjoni. Diżinformazzjoni sseħħ meta kontenut ikun falz bl-għan li jiżgwida lill-qarrejja bl-intenzjoni li jkun hemm gwadann politiku u ekonomiku u jagħmel ħsara lis-soċjeta’. Fl-indiċi tal-klassifika Georgia tinsab fl-aħħar post (41) u qabilha hemm il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Kosovo. Il-pajjiżi fil-klassifika huma maqsuma f’ħames kategoriji bl-ewwel waħda huma tal-aktar pajjiżi li qiegħed jaċċellaw, it-tieni kategorija ta’ dawk li qiegħed imorru tajjeb, it-tielet kategorija hija kkunsidrata dik ta’ transizzjoni jew pajjiżi li qiegħed jirriskjaw li jmorru lura jew jinżlu kategorija, ir-raba’ kategorija hija ta’ dawk il-pajjiżi li għandhom problemi iżda li m’humiex f’sitwazzjoni gravi daqs tal-aħħar kategorija.
L-Open Society Institute tenna li s-sitwazzjoni b’mod ġenerali tista titjieb jekk ikun hemm kwalita’ ta’ edukazzjoni aħjar, aktar liberta’ tal-istampa, aktar fiduċja fl-istituzzjonijiet u tnaqqis ta’ problemi eżistenti. Iżda l-istess entita’ saħqet ukoll dwar l-importanza li jkun hemm edukazzjoni qabel regolamentazzjoni. B’mod ħolisiku ntqal li l-edukazzjoni hija essenzjali iżda fiha qiegħed fadlilna ftit fiex naqdfu filwaqt li ċerti projbizzjonijiet ta’ siti fuq social media huma wkoll essenzjali.
Ta’ min wieħed jinnota li l-progress fil-Finlandja kien anki dovut għal diversi programmi edukattivi li ġew stabbiliti minn entitajiet bħal Faktabaari li taħdem direttament mal-iskejjel. Wieħed mid-diretturi ta’ din l-entita’ huwa Dr Kari Kivinen li dan l-aħħar kien ukoll f’Malta u li mexxa seminar għal edukaturi nteressati f’dan il-qasam. Dan is-seminar sar b’kollaborazzjoni mal-Malta Union of Teachers.
Photo Caption – Skont statistika maħruġa mill-Open Society Institute l-Finlandja ġiet fl-ewwel post fl-indiċi tal-iktar pajjiżi li jippreparaw l-istudenti bl-aktar mod effettiv biex jifhmu aħjar liema aħbarijiet ikunu veritieri fuq il-mezzi tax-xandir.
L-Open Society Institute tenna li s-sitwazzjoni b’mod ġenerali tista titjieb jekk ikun hemm kwalita’ ta’ edukazzjoni aħjar, aktar liberta’ tal-istampa, aktar fiduċja fl-istituzzjonijiet u tnaqqis ta’ problemi eżistenti.