Sunday, December 22, 2024

“Il-fissazzjoni li kelli fuq l-ikel kienet kbira wisq… tabiba qaltli jew twaqqaf dan il-vizzju inkella setgħu jiżviluppaw xi kumplikazzjonijiet”

Aqra wkoll

Celine Agius jirnexxielha tonqos sew fil-piż wara “dieta radikali”

L-isem ta’ Celine Agius mhuwiex wieħed ġdid f’pajjiżna hekk kif kisbet suċċess partikolari fit-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta. Min isegwiha fuq il-media soċjali malajr seta’ jinnota li fl-aħħar ġimgħat hija wettqet trasformazzjoni partikolari fejn naqset ferm mill-piż. 

Hija nnifisha tatna iktar dettalji: “Kelli nibda d-dieta, Frar li għadda minħabba li kelli lymphedema serja u bidu ta’ blood clot f’sieqi minħabba piż eċċessiv kawża tal-obeżità severa. It-tabiba qaltli jew tbiddel ħajtek, jew inkella se tispiċċa b’kumplikazzjonijiet serji minn issa. Kont ili nisma’ mingħand tobba li rrid nieħu ħsieb saħħti, iżda l-addiction u l-fissazzjoni li kelli fuq l-ikel kienet wisq kbira, li dejjem evitajt li neħodha bis-serjetá; qatt ma kont tlajt fuq miżien f’ħajti. Wara ż-żjara għand it-tabiba intiżint għall-ewwel darba u ndunajt li kelli piż ta’ 180 kilogramma. Kienet se ttini rasi. Kif kont se ngħaddi mingħajr junk food li kont nieklu kuljum xi tliet darbiet f’ġurnata – burgers u chips, borma għaġin waħdi, xi sitt ċikkulati f’ġurnata u flixkun soft drink taż-żewġ litri soft drink. Kelli nibda dieta radikali mil-lum għal għada għax qaltli saħħti ma kinitx tiflaħ tistenna ġimgħa oħra. Mort għand nutrizzjonista, bdejt nimxi ma’ meal plan u bdejt nagħmel eżerċizzju ta’ kuljum. F’Ġunju kont kważi immobbli, lejn l-aħħar ma flaħtx nitla’ taraġ jew ngħawweġ sieqi. L-ewwel eżerċizzju kien li nimxi ħames minuti biss u kont batejt biex għamiltha. Biż-żmien bdejt inżid ftit. Illum nagħmel sagħtejn mixi.” 

Saqsejnieha kif qed tħossha issa, b’Celine tgħidilna li: “Issa nħossni tajba ħafna, bħala nifs, saqajja ħadu r-ruħ, b’sieq minnhom qed tfiq ftit ftit. Importanti ħafna li wieħed iżomm ruħu attiv imqar jekk għal ftit minuti kuljum u iktar minn hekk li wieħed jiekol ikel naturali u ġenwin. Il-junk food għandu ċerti kimiċi li huma ħżiena mmens għall-moħħ għax ikun irid iktar bħad-drogi. Jien ma kontx food lover iżda jien kont food addict –  hemm differenza – eżempju ġieli kilt tliet burgers wara xulxin u xrobt flixkun soft drink taż-żewġ litri magħhom qabel kilt xi ħames ċikkulati wara xulxin. Apparti li l-junk food, minkejja li t-togħma hija eċċezzjonali, jikkawża mard bħall-kanċer eċċ..”

Tlabna wkoll lil Celine tgħidilna jekk meta kienet kbira fil-piż kinitx tesperjenza xi tip ta’ kummenti jew bullying fil-konfront tagħha. Hija wieġbet li: “Jiena dejjem esperjenzajt bullying u kummenti minn nies naturalment minħabba l-obeżità tiegħi. Il-kummenti dejjem kont inħosshom u kont nibki waħdi però qatt ma stajt noħroġ mill-vizzju tal-ikel għax kien ċirku vizzjuż. Iktar ma kont inħossni waħdi u umiljata, iktar kont niekol u iktar ma kont niekol iktar kont inħossni inutli  u mhux persuna attraenti. Iżda l-ikel bħal kull droga oħra, gravi daqs id-drogi u n-nies ma jafux kemm tista’ tasal tkun gravi. Ma stajtx negħlibha minkejja li professjonisti tas-saħħa ġibduli l-attenzjoni diversi drabi. Ma stajtx noħroġ minnu ċ-ċirku tal-addiction sakemm tabiba qaltli jew hekk jew inkella se jkollok dawn il-kumplikazzjonijiet li jistgħu jiżviluppaw fi ftit ġranet oħra.” 

Ekonomija

Sport