Friday, December 13, 2024

Il-fjuwil ippenetra fil-fond u t-terzi se jħallsu għall-bini mill-ġdid tat-triq fil-Marsa

Il-Ministru Aaron Farrugia jsostni li s-sigurtà fit-toroq hija prijorità għal dan il-gvern

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem fi Triq Belt il-Ħażna fil-Marsa seħħ inċident li kellu konsegwenzi serji fuq l-asfalt tat-triq wara li nqaleb bawżer li hu stmat li kien qed iġorr mas-26,000 litru ta’ fjuwil. Minnufih fil-post issejħu numru ta’ uffiċjali u bdiet ħidma kollaborata bejn l-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, dawk ta’ Transport Malta u Tug Boats Malta biex iwaqqfu l-fjuwil milli jkompli jinfirex filwaqt li jiġbru dak li kien diġà nfirex. Minħabba li t-triq hija waħda inklinata, il-fjuwil infirex u baqa’ nieżel, b’ammont minnu saħansitra spiċċa fil-baħar.

Triq Belt il-Ħażna tingħata wiċċ ġdid

F’kumment lil Talk.mt il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia qalilna li Infrastructure Malta segwiet l-andament tal-inċident imsemmi u malli kien hemm indikazzjoni li l-asfalt tat-triq ġarrab ħsarat, l-aġenzija assenjat minnufih kuntrattur biex jinbdew ix-xogħlijiet t’emerġenza meħtieġa li jirrikjedu li parti mit-triq titqaxxar u terġa’ tinkesa b’asfalt ġdid. Peress li rriżulta li l-fjuwil li nxtered laħaq ippenetra fil-fond, se jkollhom isiru aktar minn saff wieħed t’asfalt. Dawn ix-xogħlijiet se jitħallsu mit-terzi li kienu involuti fl-inċident. 

YouTube video

Terz tat-toroq fil-wegħda elettorali tal-2017 jingħataw wiċċ ġdid

Il-Ministru Farrugia qalilna li kommess li jkompli għaddej bil-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li fl-2017 kien ippropona li jagħti wiċċ ġdid lit-toroq kollha ta’ Malta. Infatti s’issa kien hemm terz tat-toroq pjanati li jingħataw wiċċ ġdid li ġew mibnija mill-ġdid. 

Permezz ta’ Infrastructure Malta, il-Gvern qed iwettaq il-pjan nazzjonali sabiex ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna, b’xogħlijiet f’toroq arterjali, residenzjali u rurali u strutturi u sistemi oħra. Bħala parti minn din il-ħidma, l-aġenzija qed tappoġġja lill-Kunsilli Lokali biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha residenzjali li jinsabu fi stat ħażin, li qabel ma kellhomx il-fondi għalihom sabiex isiru.

It-tfassil tal-lista tat-toroq u l-analiżi ta’ liema għandhom jingħataw prijorità

Mistoqsi dwar kif isir it-tfassil tal-lista tat-toroq u tiddeċiedi liema minnhom għandhom jingħataw prijorità, Farrugia spjega li l-aġenzija tikkonsulta mal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn konċernati, waqt li tikkunsidra wkoll talbiet għall-għajnuna li jsirulha direttament minn ħafna residenti. L-għażla ssir wara li jiġu meqjusin l-istat preżenti tat-toroq, il-konnessjonijiet ta’ triq ma’ toroq jew inħawi oħrajn fil-lokalità, il-frekwenza ta’ kemm jintużaw, kif ukoll attivitajiet fl-inħawi li jistgħu jintlaqtu ħażin mix-xogħlijiet skont meta jsiru, bħalma huwa l-każ ta’ toroq li jinsabu f’żoni turistiċi u dawk qrib l-iskejjel.

Ministru Farrugia kien ċar u qalilna li “Għal dan il-gvern, is-sigurta hija prijorità”

Aaron Farrugia

Barra minn hekk, ftit xhur biss wara li twaqqfet, Infrastructure Malta għamlet studju nazzjonali mill-aktar komprensiv dwar il-qagħda tat-toroq f’Malta u li qatt qabel ma sar bħalu f’pajjiżna. Dan l-istudju sar b’teknoloġija avvanzata permezz ta’ drones speċjalizzati biex inkiseb tagħrif tekniku dettaljat ħafna tal-istat tat-toroq kollha. It-tagħrif miġbur dwar il-kundizzjoni u l-ħsarat fit-toroq jgħin ukoll fil-ħidma ta’ manutenzjoni kontinwa tat-toroq u fit-tfassil ta’ proġetti oħrajn.

B’kollox ġew studjati madwar 2,500 kilometru ta’ toroq madwar il-pajjiż u ġiet żviluppata applikazzjoni ġdida għas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) li tinkludi l-orthophoto maps tat-toroq kollha b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħsarat u l-kundizzjoni tagħhom. Din is-sistema, flimkien ma’ studji oħrajn, tgħin lil Infrastructure Malta toħloq klassifikazzjoni tat-toroq f’ordni ta’ prijorità skont liema jeħtieġ jinbnew mill-ġdid l-ewwel.

Pjanar minn ħafna qabel ir-residenti jaraw il-ħaddiema fi triqthom 

Ix-xogħol għal kull triq jirrikjedi ppjanar li jibda minn ħafna qabel mar-residenti jaraw il-ħaddiema u l-inġenji fit-triq tagħhom. Minbarra li tikkonsulta lill-Kunsilli Lokali, l-aġenzija tikkollabora ukoll mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ ġdid tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, elettriku, internet u telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq.

Meta kollox ikun ippjanat, Infrastructure Malta tibda billi tħaffer it-trinek biex tibdel dawn is-servizzi, skont il-ħtieġa. Imbagħad isir il-bini mill-ġdid jew tiswijiet tal-bankini, skont f’liema stat ikunu. Isiru ukoll testijiet tal-pedamenti ta’ kull triq. Fejn jinstab li huma dgħajfin wisq, jinqalgħu u jsiru mill-ġdid. B’hekk, meta fl-aħħar isir il-wiċċ b’asfalt ġdid, ikun jista’ jservi aktar fit-tul. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn.

L-inqas inkonvenjent waqt ix-xogħlijiet u assigurazzjoni tal-aċċess f’kull ħin

Waqt il-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali, Infrastructure Malta tagħmel l-almu kollu tagħha biex l-inkonvenjent għar-residenti ikun l-inqas possibbli waqt li tassiguralhom aċċess f’kull ħin. La darba t-triq titlesta huma r-residenti l-iżjed li se jgawdu minn ambjent isbaħ quddiem djarhom u minn livell ogħla ta’ servizzi li jitwasslu lejn djarhom

Bħala parti mis-sigurtà fit-toroq, kemm ilu fl-irwol tiegħu bħala Ministru f’dan is-settur ġdid Farrugia esprima l-fehma li biex jonqsu l-inċidenti se tkun qiegħed jinvolvi aktar uffiċjali fit-toroq tagħna. Din l-aħbar intlaqgħet b’mod pożittiv minn bosta li kien ilhom jilmentaw minn sewqan eċċessiv u inċidenti li jistgħu jiġu evitati fosthom minn sewwieqa li jsuqu u jużaw il-mowbajl. Minkejja dan bħal dejjem, kien hemm min ikkritika dan il-ħsieb minħabba li qal li l-gvern se jkun qiegħed jieħu l-opportunità biex jintaxxa lin-nies. 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia

Mitlub jikkummenta dwar dan, il-Ministru Farrugia kien ċar u qalilna li “Għal dan il-gvern, is-sigurta hija prijorità”. Kompla biex jgħid li wasal iż-żmien li ma jkunux tollerati aktar affarijiet li mhux lokhom fit-toroq tagħna. Saħaq li dan nistgħu niksbuh biss billi jiżdied l-infurzar, mingħajr ma jintefgħu piżijiet żejda fuq in-nies. Żied jgħid li personalment mhuwiex konvint mill-miżuri punittivi li jpoġġu pizijiet fuq in-nies, speċjalment għax dawn il-miżuri jolqtu l-aktar dawk b’introjtu baxx u medju għax fl-aħħar mill-aħħar “min jiflaħ iħallas, ha jagħżel li jħallas xorta waħda”.

Minħabba din ir-raġuni se jkunu qed jiġu mfassla mill-ġdid l-operations unit biex b’hekk ikun hemm aktar sinerġija bejniethom u l-unit tal-muturi. Dan se jfisser aktar patrols u spezzjonijiet fit-toroq tagħna. Dan l-istess unit ġdid se jkun responsabbli wkoll biex ikun hemm rispons jew intervent f’każ ta’ bżonn u li dan isir f’qasir żmien u mod effiċjenti. 

Il-Ministru temm jispjega li prattikament fi ftit kliem se jsir ristrutturar tas-sistema preżenti, biex tiżdied is-sigurta’ u meta jkun hemm bżonn azzjoni, din issir f’qasir żmien u bl-aktar mod effiċjenti.

Ekonomija

Sport