Tuesday, September 24, 2024

Il-Fond Monetarju Internazzjonali jfaħħar l-effettività tal-istrateġija ekonomika tal-gvern Malti

Aqra wkoll

Fi tmiem analiżi estensiva tal-ekonomija Maltija minn grupp ta’ esperti tal-Fond Monetarju  Internazzjonali (IMF), il-Bord Eżekuttiv ta’ din l-istituzzjoni ewlenija kellu kliem ta’ tifħir għall ħidma tal-amministrazzjoni ta’ pajjiżna. Fil-fatt, huma kkonkludew li “the authorities’ swift and bold  policy response helped mitigate the impact, preventing large-scale layoffs, bankruptcies, and credit  disintermediation.” 

L-IMF jinnota kif, bis-saħħa tas-suċċess tal-programm tal-vaċċin, is-sentiment ekonomiku rkupra, b’riżultat li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’5.75% din is-sena u b’6% is-sena d-dieħla. Dan  huwa l-ogħla tbassir ekonomiku mogħti lil pajjiżna, u huwa darba u nofs iktar milli għandu f’idejh il gvern. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-IMF mhux talli ma jsejħux il-miżuri li qed jieħu l-gvern bħala  tberbiq, imma talli jwissu li l-għajnuna li qed tingħata m’għandiex titneħħa malajr u mingħajr ħsieb. 

Fl-istess linja, l-esperti internazzjonali jħeġġu lill-gvern biex, malli tgħaddi l-pandemija, jerġa’ jibni  r-riżorsi fiskali tal-pajjiż, u jibbilanċja mal-bżonn li jibqa’ jsir investiment infrastrutturali. Id-diretturi  tal-IMF laqgħu wkoll il-pjani tal-gvern biex inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li faħħru r riformi fil-qasam tax-xogħol kif ukoll il-progress li sar biex tissaħħaħ il-ħidma kontra l-ħasil tal-flus  u r-regolazzjoni finanzjarja. 

L-esperti tal-IMF jgħidu li “Malta entered the pandemic crisis on a relatively firm economic footing”,  u li “Malta’s policy direction has been broadly in line with past (IMF) staff recommendations”. Fil fatt, huma jfaħħru t-tnaqqis li kien sar fil-piż tad-dejn nazzjonali u t-tifdil li sar mill-gvern.  

Minn kalkoli tal-IMF, l-għajnuna tal-gvern laħqet 13.4% tal-ġid nazzjonali fuq medda ta’ sentejn.  Mingħajr dan is-sostenn, skont l-IMF, kien ikun hemm żieda kbira fil-qgħad minflok it-tnaqqis li fil fatt seħħ. L-esperti tal-IMF jgħidu li “fiscal policy remains appropriately expansionary” u li “fiscal  support should continue and be only gradually reduced”. Skont l-analiżi teknika tal-IMF, dan huwa  possibbli għax id-dejn ta’ Malta huwa sostennibli.  

L-esperti internazzjonali jirreferu wkoll għad-diversi strateġiji li qed ivara l-gvern biex pajjiżna  jwettaq il-qalba diġitali u ambjentali. Huma sostnew li Malta għandha tibqa “among Europe’s digital  frontrunners”, filwaqt li laqgħu l-pjan biex pajjiżna jnaqqas l-emissjonijiet. Bħalma jagħmel il-gvern,  l-esperti tal-IMF sostnew li d-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna huma l-aqwa  garanzija ta’ tkabbir akbar u aktar sostenibbli.

Wara l-konferma tar-rating għoli ta’ pajjiżna minn erba’ aġenziji ta’ kreditu, ir-rapport tal-IMF huwa  ċertifikat ieħor tal-effettività tal-istrateġija tal-gvern biex jilqa’ għall-pandemija u jibni prosperità ġdida. Fil-baġit 2022, se jiddaħħlu numru kbir ta’ miżuri oħrajn biex jinkiseb dan l-għan.

Sport