Żewġ Kapolavuri Storiċi Lura għall-Istat Oriġinali Tagħhom fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann Żewġ pitturi ikoniċi tal-artist rinomat Malti Giuseppe Briffa ġew restawrati b’mod impekkabbli u sabu posthom lura fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann, grazzi għall-appoġġ tal-Fondazzjoni Bank of Valletta.
L-opri tal-arti, L-Immakulata Kunċizzjoni fil-kuntest tal-waqgħa tal-umanità u t-Tħabbira tal-Arkanġlu Gabrijel, inkixfu waqt żjara minn Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta, li kien qed jirrappreżenta l-Fondazzjoni Bank of Valletta.
Preżenti wkoll miegħu kien hemm Charles Azzopardi, Head CSR, flimkien mal-fundatur ta’ PrevArti u l-konservatur ewlieni Pierre Bugeja, u l-Kappillan Patri Bertrand Vella. Il-proġett ta’ restawr ġie fdat f’idejn PrevArti, li wettaq proċess ta’ konservazzjoni bir-reqqa biex jindirizza żebgħa li kienet qed tinbeżaq, ħmieġ li nġema’ maż-żmien, il-verniċ safrani, u d-dgħufijiet strutturali. It-trattament kien jinkludi konsolidazzjoni tas-saff taż-żebgħa, tindif delikat, tneħħija ta’ żebgħa żejda, u rtokk fin, li kollha għenu biex jerġgħu joħorġu d-dettall rikk u l-luminożità tal-kompożizzjonijiet oriġinali ta’ Briffa.
“Dawn il-pitturi huma aktar minn xogħlijiet ta’ devozzjoni – huma teżori kulturali,” qal Ernest Agius. “Il-Fondazzjoni Bank of Valletta hija kburija li qed tikkontribwixxi għal proġetti li jħarsu l-wirt Malti, filwaqt li jassiguraw li dawn ix-xogħlijiet artistiċi jkomplu jispiraw lil ġenerazzjonijiet futuri.”
Pierre Bugeja rrimarka dwar il-valur tal-preservazzjoni tal-legat ta’ Briffa, u nnota li, “dawn huma xogħlijiet storikament u artiġjanalment sinifikanti. L-għan tagħna kien li nirrispettaw il-viżjoni oriġinali tal-artist, filwaqt li niżguraw li l-pitturi jkunu strutturalment u viżwalment f’qagħda ottimali għas-snin li ġejjin.” Il-proġett huwa parti minn impenn usà li l-Fondazzjoni Bank of Valletta qed tieħu biex tinvesti fil-fibra tal-kultura Maltija, filwaqt li tirrikonoxxi li l-konservazzjoni tal-arti sagra mhux biss tippreserva l-wirt artistiku tan-nazzjon iżda ssaħħaħ ukoll sens ta’ identità u komunità.
Billi jappoġġja inizjattivi bħal dawn permezz tal-Fondazzjoni, il-Bank qed jgħin biex joħloq ħolqa bejn il-passat u l-preżent – billi jiżgura li n-narrattivi storiċi, is-simboliżmu spiritwali, u t-talent artistiku jibqgħu aċċessibbli u apprezzati minn kulħadd. Il-Kappillan, Patri Bertrand estenda l-apprezzament tiegħu lil dawk kollha involuti fl-inizjattiva. Huwa rrimarka dwar is-sbuħija u r-reverenza mġedda li l-pitturi qed iġibu fl-ispazju sagru tal-Knisja tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.
Permezz tal-Fondazzjoni u l-programmi tas-CSR tiegħu, il-Bank of Valletta jibqa’ impenjat li jappoġġja l-arti, il-kultura, u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku Malti.