Il-Bank of Valletta, permezz tal-Fondazzjoni BOV, immarka t-tlestija ta’ proġett ta’ konservazzjoni fil-Kappella tal-Kapuċċini fir-Rabat, Għawdex. Din hija kappella storika li għandha madwar 300 sena u li tinsab ġewwa l-propjetà tal-Kunvent. Ix-xogħol, li twettaq minn Prevarti, iffoka fuq id-dekorazzjonijiet interni tal-kappella li ddeterjoraw maż-żmien minħabba fatturi ambjentali u interventi preċedenti.
Biex jimmarka t-tmiem tal-proġett, Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-BOV u Deputy Chair tal-Fondazzjoni BOV, żar il-kappella u ltaqa’ ma’ Fra Vince Axiaq. Waqt iż-żjara, is-Sur Agius ra l-kappella minn ġewwa u x-xogħol li sar. Huwa faħħar is-sengħa u l-attenzjoni għad-dettall li kien hemm tul il-proġett kollu, mill-bidu sal-aħħar.
L-intervent indirizza ħsarat li kienu qed jaħbu u jċajpru l-iskema dekorattiva oriġinali tal-kappella. It-tim minn Prevarti ħa ħsieb jistabilizza żebgħa fraġli, irkupra dettalji moħbija, u reġa’ ta l-ħajja lil partijiet li kienu ntilfu maż-żmien, filwaqt li assigura li jinżamm il-karattru artistiku oriġinali.
Waqt li kien qed jitkellem dwar il-proċess ta’ restawr, Pierre Bugeja, Konservatur Ewlieni fi Prevarti, irrimarka “Meta bdejna naħdmu fuq il-kappella għall-ewwel darba, kien ċar li żżmien kien ħalla ttimbru tiegħu. Ħafna miżżebgħa kienet fraġli jew kienet qiegħda tinqala’ minn malwiċċ tal-ħajt, u numru ta’ dettalji kienu sfumaw jew saħansitra ntilfu għalkollox. Lgħan tagħna kien li nerġgħu noħorġu l-kuluri vibranti ta’ din lopra, mingħajr ma nżidu xejn li ma jappartjenihiex. Ftit ftit skoprejna millġdid kuluri u mudelli li ilhom moħbija għal snin twal, u rrestawrajna ttaqsimiet nieqsa b’mod li jirrispetta lid oriġinali talartist. Kien privileġġ li ngħinu nreġġgħu lkappella għall-istat li tassew jirrifletti ssbuħija u listorja tagħha.”
Min-naħa tiegħu, Ernest Agius tenna l-impenn tal-Fondazzjoni li tissalvagwardja l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin. Huwa qal, “Dak li nkiseb hawnhekk huwa tassew notevoli. Id-dekorazzjonijiet tal-kappella kienu waslu fi stadju fejn kienu fir-riskju li jintesew, u dan il-proġett reġa’ tahom il-ħajja.” Huwa żied jgħid li l-Fondazzjoni BOV temmen bis-sħiħ fl-appoġġ ta’ xogħol li jikkonserva l-wirt kulturali tagħna, u dan ir-restawr huwa eżempju eċċellenti ta’ kif kollaborazzjoni bir-reqqa tista’ tagħmel differenza reali. Għal darb’oħra, il-kappella terġa’ tispikka bħala post ta’ sbuħija, tifsira u li jagħmilna kburin.”
Fra Vince Axiaq esprima l-apprezzament tiegħu f’isem il-komunità, u qal li għalihom il-kappella hija marbuta mal-memorji u l-fidi tagħhom. “Ix-xogħol ta’ restawr ġab lura dettalji li kienu ilhom moħbija, u dan sar b’sensittività kbira. Dan kien mument kommoventi għalina. L-ispazju issa jidher aktar imdawwal u mimli ħajja, filwaqt li xorta għadu jħares l-iskop spiritwali tiegħu,” qal Fra Axiaq.
Permezz tal-isforzi kontinwi tagħha, il-Fondazzjoni BOV tkompli tappoġġja inizjattivi tal-wirt kulturali madwar il-Gżejjer Maltin, u tikkontribwixxi għall-protezzjoni u għall-apprezzament ta’ siti li għandhom importanza artistika, storika u komunitarja.

