Il-kollaborazzjoni twila bejn il-Bank of Valletta u l-Fondazzjoni Wirt Artna (FWA) qed tiġi ċċelebrata b’wirja ġdida fil-Malta Time-Gun Museum fil-Belt Valletta, li ġiet inawgurata uffiċjalment waqt żjara minn membri tal-Fondazzjoni Bank of Valletta.
Il-wirja, iffinanzjata mill-Fondazzjoni Bank of Valletta permezz tal-ftehim li għandha mal-Fondazzjoni Wirt Artna, tiffoka fuq id-disinni ta’ John Müller tal-artillerija tas-seklu tmintax, u tagħmir anċillari ieħor kif spjegat f’ ‘A Treatise of Artillery’ fl-1759. Mario Farrugia, Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna, irrimarka li ‘A Treatise of Artillery’, li kopja oriġinali tiegħu tinsab għall-wiri f’din il-wirja, jinkludi l-iktar xogħol influwenti fuq l-artillerija ppubblikat bl-Ingliż fit-tieni nofs tas-seklu tmintax. Il-wirja tinkludi għadd ta’ mudelli xjentifiċi tal-aktar tagħmir tekniku u loġistiku użat biex jiġi mmontat u żmontat kanun, għat-trasport tal-artillerija, kif ukoll għall-ġarr ta’ munizzjon u tiswijiet.
Matul iż-żjara, is-Sur Farrugia esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Bank of Valletta għal snin ta’ dedikazzjoni għall-Fondazzjoni, li toffri esperjenza prattika tal-wirt fid-disa’ mużewijiet tagħha. Huwa nnota, “Il-finanzjament tal-Bank ta s-setgħa lill-Fondazzjoni biex taddotta approċċi innovattivi fil-preservazzjoni u l-preżentazzjoni tal-wirt militari u kulturali.
Il-Fondazzjoni BOV kienet rappreżentata minn Anita Mangion u Isabella Cutajar, akkumpanjati minn Charles Azzopardi, Kap tas-CSR, Events and Business Alliances. F’isem il-Fondazzjoni BOV, Anita Mangion irrimarkat li t-tnedija ta’ din il-wirja tixhed l-importanza tal-għarfien storiku u r-relevanza tiegħu llum. “Il-Fondazzjoni BOV tibqa’ impenjata li tappoġġja inizjattivi bħal dawn. Permezz tal-kollaborazzjoni tagħna ma’ Fondazzjoni Wirt Artna, aħna kburin li nappoġġjaw proġetti li jagħtu ħajja lir-rikkezza tal-istorja militari u jagħmluha aċċessibbli għall-pubbliku,” qalet is-Sa Mangion.
Charles Azzopardi, żied mal-kummenti tas-Sa Mangion, u qal, “Il-kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni Wirt Artna tirrifletti l-impenn fit-tul tal-Bank lejn il-komunità u l-wirt permezz tal-programm ta’ responsabbilità soċjali korporattiva tiegħu. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni Wirt Artna u l-programm ‘Hands-on-Heritage’, eluf ta’ studenti żaru s-siti li tmexxi. Is-suċċess ta’ din il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni BOV u l-FWA huwa xhieda tal-impenn bejn iż-żewġ partijiet lejn l-edukazzjoni u l-wirt kulturali rikk tagħna. Issa ninsabu fit-tieni ġenerazzjoni ta’ studenti li jattendu għal dawn is-sessjonijiet, f’siti li kontinwament jiġu aġġornati bl-isforzi ta’ Fondazzjoni Wirt Artna, li aħna kburin li nirreferu għaliha bħala sieħeb tagħna.”


