Saturday, December 21, 2024

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se testendi l-programm ta’ SkolaSajf għal tfal b’diżabilità

Aqra wkoll

70 fil-mija tal-istudenti eliġibbli applikaw biex jattendu għal dan is-servizz estiż li qed jingħata għall-ewwel darba. Dan is-servizz se jiġi pprovdut minn nhar it-Tnejn li ġej, 6 ta’ Settembru, sal-Ġimgħa 24 ta’ Settembru, il-perjodu ta’ meta tiġi fi tmiemha Skolasajf u sakemm tibda sena skolastika ġdida, u għalhekk dawn it-tfal ma jkollhomx waqfa ta’ 3 ġimgħat qabel terġa’ tibda l-iskola.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li din l-estensjoni ta’ dan is-servizz għal tfal bi bżonnijiet speċjali se sservi ta’ għajnuna lill-istudenti li se jkollhom aktar ċans biex jirkupraw dak li tilfu akkademikament matul is-sena skolastika minħabba l-pandemija.

Il-Ministru Caruana żiedet tgħid li għal dan il-gvern, l-edukazzjoni hija prijorità u se jkompli jinvesti fl-istudenti tagħna billi joħloq aktar miżuri bħal dawk tas-Summer Catch-up Sessions, għax l-għan huwa li jkollna żgħażagħ imħarrġin b’ħiliet meħtieġa għall-futur.

“Il-ġenituri għandhom ikunu moħħhom mistrieħ li t-tfal tagħhom se jkunu f’idejn responsabbli u professjonali, u se tkompli tingħata l-importanza lill-persuni bi bżonnijiet speċjali u jitkompla l-investiment u taħriġ biex l-istudenti jkunu aktar inklużi fis-soċjetà”, qalet il-ministru.

Biex jingħata dan is-servizz ta’ estensjoni se jiġu impjegati madwar 85 membri tal-istaff, fosthom careworkers. Il-careworkers huma kwalifikati biex jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol u għandhom esperjenza f’dan il-qasam. Huma se jassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti skont il-bżonnijiet speċjali ta’ kull individwu.

Dan is-servizz li se jingħata b’xejn, se jingħata f’ħames resource centres li huma Helen Keller, Guardian Angel, San Miguel, Wardija Special Unit u Sannat Special Unit.

Ekonomija

Sport