Għal dawn l-aħħar tliet snin, il-Fondazzjoni HSBC Malta ġeddet l-impenn tagħha biex tappoġġja firxa ta’ programmi edukattivi organizzati l-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome f’Malta (DSAM). Il-programmi edukattivi ġew iddisinjati apposta biex jipprovdu lill-membri studenti tad-DSAM b’firxa ta’ ħiliet tal-ħajja u kompetenzi relatati max-xogħol biex jarmawhom aħjar u b’hekk jieħdu impjiegi li jixirqu t-talenti u l-interessi tagħhom.
Waqt żjara fl-Uffiċċju Ewlieni ta’ HSBC fil-Belt Valletta, numru ta’ membri mid-DSAM iltaqgħu ma’ Michel Cordina, Direttur Eżekuttiv u Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju ta’ HSBC Malta.
Cordina ikkummenta: “F’HSBC Malta nħossu li l-missjoni tad-DSAM li tgħin lil kull wieħed mill-membri tagħhom jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu u jgħix ħajja kuntenta li tissodisfa hi xi ħaġa li għal qalbna ħafna. Dejjem huwa pjaċir ġenwin li naraw l-appoġġ tagħna jipprovdi impatt tant pożittiv u li jagħti s-setgħa.”
Il-President ta’ DSAM, Joeanna Xerri qalet: “Dawn il-programmi edukattivi jservu biex itejbu l-ħiliet u jagħtu s-setgħa lill-membri tagħna biex ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jgħixu ħajja aktar indipendenti. L-appoġġ tal-Fondazzjoni HSBC Malta kien kruċjali għalina biex stajna nipprovdu dawn is-servizzi u jħeġġiġna biex nkomplu nespandu l-assistenza tagħna b’mod aktar ħolistiku.”
DSAM twaqqfet biex tħeġġeġ lin-nies li għandhom id-Down Syndrome biex iwettqu l-potenzjal tagħhom għal ħajja ta’ suċċess u ferħana, f’soċjetà li tagħraf il-kapaċitajiet tagħhom u li tappoġġja l-bżonnijiet tagħhom.