Il-Fondazzjoni Jarhead Young Sailors (JYSF) għamlet pass ieħor importanti ’l quddiem bit-tnedija ta’ dehra ġdida tal-jott J109 Jarhead. Id-dehra aġġornata tirrifletti t-tkabbir kontinwu tal-Fondazzjoni, kif ukoll it-tisħieħ tal-identità tagħha kemm fuq il-baħar kif ukoll lil hinn minnu, filwaqt li tibqa’ leali lejn il-missjoni tagħha li tintroduċi żgħażagħ fl-isport tal-ibburdjar.
Din l-inizjattiva tirrappreżenta l-ewwel stadju ta’ proġett usa’ li qed jitwettaq fi sħubija ma’ wieħed mis-sostenituri ewlenin tal-Fondazzjoni: MMH Malta Ltd. Dawn iffinanzjaw il-branding taż-żewġ jottijiet tal-JYSF, Jarhead u JYS Jan. Il-wrapping ta’ Jarhead issa tlesta, filwaqt li dak tal-yacht JYS Jan se jkun żvelat fil-ġimgħat li ġejjin b’kulur differenti iżda b’disinn ikkoordinat.
“Filwaqt li l-qofol tal-ħidma tal-Fondazzjoni tibqa’ dik li toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw ħiliet għall-ħajja permezz tal-ibburdjar, aħna nirrikonoxxu wkoll l-importanza li nagħmlu impressjonii tajba u professjonali,” qal Wilfrid Buttigieg, Amministratur tal-Fondazzjoni Jarhead Young Sailors. “Grazzi għal MMH Malta Ltd, dan issa sar realtà.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll l-Kap Eżekuttiv ta’ MMH Malta Ltd, Angelique Abela, li hi stess hi dilettanta tal-ibburdjar. Ir-rabta tagħha mal-Fondazzjoni tmur lura diversi snin, fejn spiss kienet membru ta’ diversi ekwipaġġi tal-Fondazzjoni. Hija qalet:
“Bħala MMH, kburin u eċċitati li nappoġġjaw il-Fondazzjoni Jarhead Young Sailors għax il-JYSF hi organizzazzjoni li tmur lil hinn mit-tlielaq. Bl-appoġġ tagħna għar-wrapping gdid tal-jott Jarhead u xogħlijiet relatati, l-għan tagħna hu li nqajmu kuxjenza dwar il-Fondazzjoni, nagħtuha l-viżibilità li tistħoqq, u naqsmu l-enerġija tagħha ma’ udjenza usa’. Il-Fondazzjoni Jarhead mhijiex biss dwar il-parteċipazzjoni f’tlielaq prestiġġjużi bħar-Rolex Middle Sea Race; hi dwar l-ispirazzjoni ta’ baħħara żgħażagħ u li tinħoloq komunità. U naturalment, jott b’dehra impressjonanti jsaħħaħ aktar dan il-messaġġ.”
Il-Fondazzjoni Jarhead, b’mod konsistenti, ipparteċipat fir-Rolex Middle Sea Race, b’taħlita ta’ skippers b’esperjenza u baħħara żgħażagħ. L-ekwipaġġi tagħha jgħaddu minn taħriġ rigoruż maħsub mhux biss biex itejbu l-prestazzjoni, iżda wkoll biex irawwmu kultura ta’ teamwork, dixxiplina u li joħolqu ħbiberiji sodi. Għalkemm ħafna drabi huma iżgħar fl-età u b’inqas esperjenza minn ħafna mill-avversarji tagħhom, it-timijiet tal-Fondazzjoni xorta rnexxielhom jiksbu suċċessi notevoli matul is-snin, inkluż klassifikazzjonijiet fuq il-podju fil-klassi rispettiva tagħhom.
Il-Fondazzjoni Jarhead Young Sailors hija appoġġjata minn MMH Malta Ltd., Camilleri Marine, u Pharma.mt.