Sunday, December 22, 2024

Il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli b’kampanja ta’ għarfien – parti minn proġett ta’ €1.1 miljun

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli (RGF) għandha l-għan ewlieni li tgħarraf lill-pubbliku rigward l-importanza li kulħadd ikun responsabbli fil-prattika tal-attivitajiet tal-logħob (gaming) u l-logħob tal-azzard (gambling) u tinforma wkoll rigward l-appoġġ li l-fondazzjoni toffri meta sfortunatament persuni jipprattikaw dan il-logħob b’mod eċċessiv u mingħajr kontroll.

Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri fl-uffiċini tal-RGF, seta’ jara l-materjal viżiv li bħalissa qiegħed jintuża waqt il-kampanja ta’ għarfien “TAKE ACTION” –  parti minn proġett sħiħ ta’ €1.1 miljun parzjalment iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.

Il-proġett sħiħ jinkludi riċerka, taħriġ u kif ukoll din il-kampanja ta’ għarfien. Din il-kampanja għandha wkoll l-għan li tnaqqas l-istigma assoċjata mal-logħob u l-logħob tal-azzard, toħloq kuxjenza fil-komunità dwar ir-riperkussjonijiet relatati mal-logħob u mal-logħob tal-azzard eċċessiv, filwaqt li tħeġġeġ persuni li għaddejjin minn din il-problema jagħmlu kuntatt jew permezz tal-linja ta’ appoġġ tal-istess fondazzjoni, 1777, jew inkella permezz taċ-chatline fuq is-sit web www.rgf.org.mt.

Il-kampanja hija maqsuma fuq tliet gruppi prinċipali: it-tfal u ż-żgħażagħ (10-35 sena), il-pubbliku inġenerali, u dawk il-persuni vvizzjati li ffaċċjaw konsegwenzi serji minħabba l-logħob tal-azzard patoloġiku, fejn saħansitra eskludew lilhom infushom minn casinos, ħwienet tal-logħob, u swali tat-tombla liċenzjati mill-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Il-Ministru Silvio Schembri, filwaqt li rringrazzja liċ-Chairman mhux eżekuttiv tal-RGF Neville Mangion, lill-General Manager tal-RGF Kevin O’Neill, u lill-istaff kollu tal-RGF li ħadmu fuq din il-kampanja, saħaq li huwa importanti li wieħed ikun konxju mill-ewwel tas-sinjali li jistgħu juru li hemm problema ta’ logħob u logħob tal-azzard eċċessiv. Il-Ministru Schembri rringrazzja wkoll lid-diversi personalitajiet li qed ikunu ambaxxaturi għal din il-kampanja.

Il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli rringrazzjat lill-Ministru Schembri għal din iż-żjara u rringrazzjat ukoll lil dawk kollha involuti fil-ħidma kontinwa li kienet tant neċessarja biex din il-kampanja tkun waħda ta’ suċċess.

Ekonomija

Sport