Saturday, May 4, 2024

Il-Fondazzjoni Patrimonju Malti u l-APS Bank plc jiffirmaw ftehim ta’ sħubija

Aqra wkoll

F’attività ta’ ffirmar li saret nhar it-Tlieta li għadda fis-Sede tal-APS Bank, is-Swatar, il-Fondazzjoni Patrimonju Malti daħlet fi ftehim fit-tul li bih se jkollha l-użu tal-uffiċċju ewlieni li l-Bank kellu qabel fi Triq San Pawl, il-Belt, u tittrasformah f’gallerija permanenti u spazju għall-esibizzjonijiet.

Għal bosta xhur li ġejjin, dan il-palazz storiku, li se jżomm it-titlu ta’ APS House, se jkun qed jiġi rinovat permanent biex isir ċentru eċċezzjonali ta’ livell internazzjonali għall-arti u l-kultura f’Malta, hekk li jkun jista’ joffri l-aqwa esperjenza għal min iżuru. 

B’dan il-ftehim iż-żewġ entitajiet qed jagħmlu pass importanti fil-kollaborazzjoni bejniethom, u jagħtu spinta ġdida għall-għarfien u ċ-ċelebrazzjoni tal-patrimonji rikk artistku u kulturali tal-Maltin. L-APS Bank minn dejjem ta l-appoġġ tiegħu għall-wirt kulturali Malti, u b’din is-sħubija prominenti mal-Fondazzjoni qiegħed jerġa’ jkun fuq quddiem biex juri l-impenn tiegħu bħala bank attiv fil-komunità. 

Il-Fondazzjoni Patrimonju Malti hija l-entità privata Maltija li qiegħda fuq quddiem nett fil-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju artistiku u kulturali tal-Gżejjer Maltin. Minn mindu twaqqfet bħala NGO fl-1992, fi tletin sena ta’ ħidma l-Fondazzjoni laħqet fruntieri fid-demokratizzazzjoni tal-patrimonju kulturali Malti li huma verament eċċezzjonali. 

Michael Lowell, is-CEO u direttur kreattiv tal-Fondazzjoni qal hekk: “Jekk inħarsu ‘l quddiem lejn x’tista’ tagħmel il-Fondazzjoni fil-promozzjoni tal-patrimonju rikk ta’ dawn il-Gżejjer, b’dan il-ftehim se jkollna spazju ġdid għal gallerija fil-belt kapitali Valletta biex nesibixxu b’mod permanenti l-kollezzjoni ta’ Victor Pasmore, li issa qiegħda taħt il-kura tal-Fondazzjoni, u jkollna wkoll spazju għal wirjiet ta’ artisti oħra mill-istess perjodu.”

Joseph Grioli, Chairman tal-Fondazzjoni ta dan il-kumment: “Nixtieq inrodd ħajr speċjali lill-APS Bank, għax issa sar verament l-akbar patrun tagħna. Mingħajr l-għajnuna tiegħu ma kienx ikun possibbli għalina li niftħu żewġ galleriji. Jien ċert li din il-kollaborazzjoni li bdejna bejnietna se tibqa’ fit-tul.”

Marcel Cassar, is-CEO tal-APS Bank qalilna hekk: “Illum huwa jum storiku għall-wirt artistiku u kulturali Malti u fl-istorja tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti. L-APS Bank huwa kburi li qed iqiegħed waħda mill-binjiet l-aktar prestiġġjużi tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Fondazzjoni biex tmexxi ‘l quddiem il-legat għani tal-Gżejjer tagħna u t-tgawdija tiegħu mill-pubbliku u mill-viżitaturi in ġenerali”.

Sport