Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) Rodrick Zerafa, iltaqgħu mal-membri, trainers u voluntiera tas-Service Dogs Malta Foundation, li qed iwettqu xogħol eċċezzjonali biex jgħinu lil persuni b’diżabilità jgħixu ħajja aktar indipendenti u dinjituża.
Permezz tal-appoġġ ta’ SEM, il-Fondazzjoni kienet waħda mill-benefiċjarji tal-programm Erasmus+, b’fondi Ewropej li qegħdin jintużaw biex jissaħħu t-taħriġ u s-servizzi offruti mill-Fondazzjoni. Permezz ta’ żewġ proġetti ta’ mobilità fl-Ungerija, fi skejjel u fi sptarijiet, il-Fondazzjoni se tkun qed takkredita s-servizzi tagħha billi tintroduċi metodi innovattivi, ittejjeb il-kollaborazzjoni internazzjonali, u tiżgura li l-Fondazzjoni tibqa’ aġġornata bl-aħħar metodi tekniċi fil-qasam.
Grazzi għal dan l-investiment, Service Dogs Malta Foundation se tkun tista’ tħarreġ lit-trainers, lil dawk li jrabbu l-ġriewi, u lill-voluntiera f’metodi moderni, filwaqt li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet mediċi u soċjali. Dan kollu sabiex aktar persuni b’kundizzjonijiet bħall-awtiżmu, problemi ta’ smigħ jew mobilità, u dijabete, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ professjonali u speċjalizzat.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar ix-xogħol tal-Fondazzjoni u rringrazzja lill-voluntiera u t-trainers għall-impenn tagħhom. “Huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li nara kif fondi Ewropej qed jaslu b’mod dirett għand in-nies. Għalkemm l-ammont ta’ finanzjament f’dan il-każ jista’ jidher żgħir, għal għaqdiet bħal Service Dogs Malta ifisser ħafna – għax jippermettilhom ikomplu joffru servizz ta’ kwalità u jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawk li verament għandhom bżonn.”
Il-Ministru kompla jgħid kif dan għandu jkun ukoll ta’ eżempju u ta’ kuraġġ għal NGOs u għaqdiet volontarji oħrajn biex jersqu lejn SEM u jaraw jekk hemmx opportunitajiet ta’ fondi li jistgħu jsaħħu l-operat tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Rodrick Zerafa spjega kif permezz tal-fondi Ewropej, proġetti bħal dan qegħdin jagħtu lill-organizzazzjonijiet u għaqdiet, l-għodda meħtieġa biex isaħħu s-servizzi tagħhom u joffru kwalità ta’ ħajja aħjar. “It-taħriġ li ngħata lis-Service Dogs Malta Foundation taħt il-programm Erasmus+ mhux biss ippermetta lill-membri jitgħallmu minn prattiċi ta’ suċċess barra minn xtutna, iżda wkoll jużaw dak li tgħallmu biex isaħħu s-servizzi tagħhom f’pajjiżna,” temm jgħid is-Sur Zerafa.
Il-fundatur tas-Service Dogs Malta Foundation Joseph Stafrace wera l-apprezzament tiegħu u spjega kif l-għotja ta’ dawn il-fondi se tkun ta’ għajnuna kbira għal din il-fondazzjoni. Huwa faħħar l-appoġġ ta’ SEM, li kienu ta’ għajnuna kbira fil-proċess ta’ applikazzjoni biex jinkisbu dawn il-fondi.
Il-Fondazzjoni Service Dogs Malta twaqqfet fl-2013 bil-għan li tagħti l-opportunità lil persuni b’diżabilità jkollhom service dogs imħarrġa professjonalment biex jgħinuhom jgħixu ħajja aktar indipendenti.