Monday, March 23, 2026

Il-fondi Ewropej isaħħu l-investiment u l-kompetittività tan-negozji Maltin

Aqra wkoll

Il-fondi Ewropej huma għodda importanti li jgħinu lin-negozji jinvestu, jinnovaw u jadattaw għal sfidi ekonomiċi ġodda. F’pajjiż bħal Malta, fejn l-intrapriżi żgħar, medji u mikro jiffurmaw il-maġġoranza tan-negozji lokali u jimpjegaw eluf ta’ ħaddiema, l-aċċess għal dawn il-fondi għandu impatt dirett fuq il-kompetittività, il-produttività u t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija. 

Tul dawn l-aħħar snin, Servizzi Ewropej f’Malta, komplew ikunu ta’ gwida dwar skemi ta’ fondi Ewropej disponibbli u addatti sabiex dawn in-negozji ikun jistgħu jtejbu l-operat tagħhom. Dan ifisser li l-fondi Ewropej m’għadhomx jitqiesu biss bħala opportunità astratta, iżda bħala mezz prattiku biex intrapriża tinvesti f’tagħmir ġdid, f’soluzzjonijiet diġitali, f’konsulenza speċjalizzata u anke f’bidliet li jagħmlu l-operat aktar effiċjenti u reżiljenti. 

Riċentement, ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Servizzi Ewropej f’Malta u l-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja, pass importanti li jkompli jsaħħaħ dan l-appoġġ għan-negozji tal-familja. Dan il-ftehim għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għall-fondi Ewropej u għall-informazzjoni dwar policies tal-Unjoni Ewropea li jolqtu direttament lin-negozji tal-familja. 

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, uffiċjali ta’ Servizzi Ewropej f’Malta se jipprovdu taħriġ lill-impjegati tal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja dwar skemi ta’ fondi Ewropej li jistgħu jibbenefikaw minnhom in-negozji.  B’hekk jingħata servizz aħjar lin-negozji li jkunu qed ifittxu li jinvestu, jespandu jew jiżviluppaw aktar l-operat tagħhom. 

F’dan il-kuntest, diġà hemm diversi skemi miftuħa li jistgħu jagħmlu differenza konkreta għan-negozji. Fost dawn hemm: SME Enhance, Digitalise your SME, Business Reports for SMEs u Feasibility Studies. 

L-iskema SME Enhance tappoġġja investimenti f’assi bħal tagħmir, makkinarju u teknoloġija, filwaqt li Digitalise your SME tgħin lin-negozji jinvestu f’software, hardware u soluzzjonijiet diġitali biex itejbu l-operat u l-esperjenza tal-klijent. Min-naħa l-oħra, l-iskema Business Reports for SMEs tipprovdi għotja ta’ €4,000 għal konsulenza esterna, filwaqt li Feasibility Studies tista’ tilħaq sa €100,000 biex tiġi evalwata l-vijabbiltà ta’ proġetti jew ideat ġodda.

Dawn l-iskemi huma mfassla biex jindirizzaw ħtiġijiet differenti tan-negozji bħal investiment dirett, id-diġitalizzazzjoni u anke ippjanar strateġiku. L-għan tagħhom huwa wieħed ċar: li jsaħħu r-reżiljenza u l-kompetittività tan-negozji Maltin f’suq dejjem aktar dinamiku.

Madankollu, biex dawn l-opportunitajiet jitħaddmu tassew, hemm bżonn aktar għarfien, gwida u koordinazzjoni bejn l-entitajiet li jservu lin-negozji. Ftehim bħal dak bejn Servizzi Ewropej f’Malta u l-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja jikkontribwixxi direttament għal dan, billi jqarreb il-fondi Ewropej lejn min jista’ jibbenefika minnhom.

Peress li ħafna mill-iskemi jaħdmu fuq bażi kontinwa u jagħlqu meta jintemm il-baġit allokat, huwa importanti li l-intrapriżi jaġixxu fil-ħin u jibdew jesploraw dawn l-opportunitajiet mingħajr dewmien.

Għal aktar informazzjoni tista’  żżur il-website ta’ Servizzi Ewropej f’Malta – sem.gov.mt – jew tikkuntattjana fuq 2779 7300 jew permezz tal-email [email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport