Fl-Olympic Stadium vojt, b’xelters għall-bombi ppreparati u t-theddida tar-Russja għadha imminenti, il-football tal-ogħla livell irritorna fl-Ukrajna nhar it-Tlieta.
Shakhtar Donetsk u Metalist Kharkiv ġew draw ta’ 0-0 hekk kif il-Kampjonat Premier tal-Ukrajna reġa’ beda sitt xhur wara li waqaf.
Inizjalment il-partiti se jintlagħbu biss fi Kiev, il-periferija tagħha u żewġ provinċji tal-punent qrib il-fruntiera.
Il-President, Volodymyr Zelensky, ħeġġeġ ir-ritorn tal-football mill-aqwa bħala wirja ta’ sfida li tkabbar il-moral.
Ir-Russja nediet invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar, jum qabel ma kien skedat li jibda t-tieni nofs tal-istaġun 2021-22.
Dak l-istaġun eventwalment ġie kkanċellat hekk kif in-numru tal-imwiet żdied fuq iż-żewġ naħat tal-kunflitt.
Minn dakinhar Shaktar lagħbu partiti ta’ ħbiberija madwar id-dinja f’tentattiv biex jikkampanjaw għall-paċi.
Madankollu d-draw tagħhom kontra Metalist immarka l-ewwel jum tal-istaġun domestiku 2022-23 li ħabat mal-Jum tal-Bandiera Nazzjonali tal-Ukrajna.
Il-possibbiltà li r-Russja tintensifika l-attakki tagħha tqajmet ukoll minn karozza bomba li qatlet bint figura politika ewlenija ultra-nazzjonalista fil-periferija ta’ Moska.
Is-simboliżmu tal-partita fi Kyiv kien ċar ħafna qabel il-kick-off.
Il-players ta’ Shakhtar u Metalist, flimkien mal-uffiċjali tal-partita, ħarġu mit-tunnel miksija bil-bnadar tal-Ukrajna qabel ħejjew biex jisimgħu indirizz mill-President Zelensky fuq il-big screen tal-ground, jagħti kuraġġ f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli.