Sunday, December 22, 2024

Il-football Tork sospiż b’mod indefinit wara attakk fuq referee

Aqra wkoll

Il-football Tork huwa sospiż wara li referee  ingħata daqqa ta’ ponn minn president ta’ club wara logħba tal-ogħla livell nhar it-Tnejn lil għadda. 

Ir-referee Halil Umut Meler ġie attakkat  mill-president ta’ MKE Ankaragucu Faruk Koca, li niżel fil-ground wara li t-team tiegħu sofra l-goal tad-draw fid-97 minuta (1-1) kontra Caykur Rizespor. 

“Il-logħbiet tal-kampjonati kollha ġew posposti b’mod indefinit,” qal il-president tal-FA Torka, Mehmet Buyukeksi, f’konferenza tal-aħbarijiet.

“Dan l-attakk huwa lejl tal-mistħija għall-football Tork,” żied jgħid.

Meler irċieva diversi daqqiet mingħand ħaddieħor hekk kif kien mimdud mal-art u sofra ġrieħi fosthom ksur żgħir.

L-inċident qanqal xeni kaotiċi involva players u uffiċjali tal-club.

Koca kellu bżonn trattament fl-isptar iżda “proċeduri ta’ detenzjoni se jsiru wara t-trattament”, qal il-Ministru tal-Affarijiet Interni tat-Turkija, Ali Yerlikaya.

Yerlikaya sostna li oħrajn ġew arrestati għas-sehem tagħhom fl-inċident, li huwa “ikkundanna bil-qawwa”.

Meler, 37, huwa wieħed mill-aqwa referees fit-Turkija u jinsab ukoll u il-panel tal-FIFA kif ukoll fil-lista ta’ referees elite tal-UEFA.

Huwa kien jeħtieġ ukoll kura fl-isptar u t-tabib ewlieni tal-isptar fejn ġie kkurat, Dr Mehmet Yorubulut, qal: “M’hemm l-ebda theddida għall-ħajja għalissa. Huwa għandu biss ġerħa madwar għajnejh ix-xellug u ksur żgħir.

“Aħna se nibqgħu nissorveljaw Meler għall-24 siegħa li ġejjin minħabba trawma fir-ras.”

Ekonomija

Sport