Monday, November 4, 2024

“Il-forom tal-arti teatrali huma vasti mmens u jfalli biss dak li jieqaf jitgħallem”

- Alison Abela

Aqra wkoll

In-namra tagħha lejn ir-reċtar bdiet minn mindu kienet għadha lanqas timxi. Ta età ċkejkna Alison Abela kienet tkun qed tosserva x’ikun qed jiġri waqt il-provi teatrali, u kif minn ġo kamra ckejkna l-affarijiet jieħdu l-ħajja għal fuq il-palk, u kif il-persuna li tkun qiegħda bil-qiegħda ħdejha qiegħda taraha fl-istess ħin fuq it-televixin.

F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Alison Abela qaltilna li għaliha l-ikbar forma ta’ arti hija l-proċess li bih l-attur janalizza l-karattru li se jinterpreta u jipprova jistudja l-profond ta’ min hu dak il-karattru, għaliex aġixxa b’dak il-mod u kif se jevolvi sabiex jieħu l-ħajja. Qalet li l-emozzjonijiet u l-empatija huma proċess li jirrikjedi l-konċentrazzjoni sa ma jitfasslu, u kull attur għandu jħossu responsabbli biżżejjed biex jagħmel dan il-proċess sa ma jiltaqa’ mal-kumplament tal-atturi l-oħra fejn imbagħad ikompli jiżżewwaq il-proċess u jissaħħaħ.

Staqsejnieha hu differenti t-televixin mill-palk tat-teatru?
L-ikbar differenza bejn il-palk u televixin għall-attur hija l-udjenza, filwaqt li fuq l-iskrin jitlob li l-attur ikun naturali għax l-udjenza mhux qiegħda ħdejk, fuq il-palk l-attur irid ikabbar, u jesaġera naqra iżjed anke fl-espressjoni tal-wiċċ u fil-ġesti sabiex jitrażmetti sal-aħħar persuna fuq l-iktar Seat fil-bogħod mill-palk. Jien inħoss li t-tnejn jagħtu lill-attur sodisfazzjon kbir.

Għal ħafna snin ħdimt iktar fuq il-palk, u li tħoss l-udjenza miegħek, li jibku miegħek, jidħku miegħek, jieħdu nifs miegħek, hija sabiħa wisq u nħoss li mmaturatni ħafna bħala persuna, kif ukoll bħala attriċi. Filwaqt li fuq it-televixin hekk kif jidher episodju ġdid l-udjenza tħossha miegħek mill-ewwel għax l-ammont ta’ messaġġi ta’ sapport kemm lili kif ukoll lil sħabi huwa ta’ kuraġġ kbir. Sabiħ li tidħol fil-qlub tan-nies, huwa sabih ferm ukoll li l-udjenza vera tapprezza x-xogħol li jirrikjedi.

Taqbel maċ-ċensura?
Din mistoqsija li taqta’ miż-żewġ naħat, għax filwaqt li ċ-ċensura tnaqqas mil-libertà tal-kelma u espressjoni, min-naħa l-oħra tgħin lill-vulnerabbli biex jiġu protetti minn kontenut li mhux addattat għalihom. Fil-każ tiegħi, nemmen li iktar minn ċensura għandna iktar nirrispettaw l-etajiet ssuġġeriti u nimxu magħhom. B’hekk ma tnaqqasx mill-forma libera tal-espressjoni u fl-istess ħin ir-responsabbiltá taqa’ fil-ħoġor tal-udjenza.

Int li ilek tirreċta kif rajtu jinbidel il-qasam tar-reċtar f’pajjiżna tul is-snin? U Taħseb li attur f’Malta jista’ jgħix bid-drama biss?
Inħoss li Malta kompliet tevolvi, ma jfissirx li m’għadx hemm xi jsir għax inħoss li l-ikbar nuqqas huwa l-fatt li m’hawn l-ebda koperattiva li tgħaqqadna flimkien u ssaħħaħna. Sfortunatament it-teatru għadu biss bħala passatemp u mhux faċli li tgħix bih biss.

Din hija xi ħaġa li l-udjenza għandha tirrikonoxxi wkoll, għax filwaqt li barra minn xtutna l-attur jista’ jiffoka biss fuq l-iżvilupp tal-karattru, aħna l-atturi ġewwa Malta rridu mmorru għar-rehearsals, filming jew performance wara l-ħin tax-xogħol u nħallu l-problemi kollha warajna u niffukaw fuq ir-rwol.

Ġieli ħsibt li tgħix barra minn Malta u taħdem hemmhekk?
Ħafna drabi, ħolm kelli bosta li mmur Londra jew l-Italja kienu dejjem il-ħolma tiegħi. Li jkollok iċ-ċans li tiffoka fuq id-delizzju tiegħek u li tagħmlu ħajtek hija l-ħolma ta’ kulħadd u xorta ma neskludix li xi darba tiġri, imma l-familja sabiħa tiegħi għadha żżommni marbuta ma’ xtutna.

Taħseb li f’pajjiżna hawn biżżejjed opportunitajiet tad-drama jew għadna limitati?
Naħseb li iktar ma mmorru iktar qed nesperimentaw u aktar qed jiżdiedu l-opportunitajiet. Għalija l-fatt li qed jiġu offruti korsijiet l-Università fuq ir-reċtar u arti kreattiva huwa diġá ta’ sodisfazzjon kbir.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lit-tfal u ż-żgħażagħ li huma interessati li jaqbdu karriera fir-reċtar.
Għal min ma jafx jiena xogħoli huwa għalliema tad-drama, u nqatta’ l-ġranet tiegħi ma’ tfal ċkejknin ta’ bejn l-4-7 snin li kollhom entużjażmu jiġu kollha mbissmin għal-lezzjonijiet tiegħi, imma dan mhux għax nagħmel xi ħaġa speċjali, iżda għax inkun sinċiera magħhom u naqsam magħhom in-namra tiegħi għar-reċtar.

L-arti tar-reċtar tirrikjedi impenn kbir iżda meta tifhem dak li trid twassal u fejn trid tasal u jirnexxielek tittrażmettih, huwa ta’ sodisfazzjon li m’hawnx ikbar minnu. L-attur għandu responsabbiltá kbira li l-kliem mżewqa tal-awtur jagħtuh il-ħajja. L-attur ma jkunx jaf għand min qed jasal. Mhux l-ewwel darba li l-istorja tkun storja ta’ membru tal-udejnza, mela ir-responsabbiltá mhix biss l-istudju tal-linji, iżda x’għandu jkollok f’qalbek u fl-emozzjonijiet tiegħek wara li qrajt l-iscript.

Mela uża dak il-kliem sabiex tifhem min se tinterpreta, u xi trid twassal u insa min il-veru int u aħseb b’moħħ u qalb ħaddiehor. Meta tasal biex tħoss dawk l-emozzjonijiet hemmhekk tkun bdejt il-proċess biex dak li għandek f’qalbek, tista’ titrażmettieh, u tieħu pjaċir tagħmlu!

Sport