Friday, April 10, 2026

Il-Forti Bengħajsa f’Birżebbuġa fdata f’idejn Heritage Malta

Aqra wkoll

Heritage Malta ġiet formalment fdata bil-ħarsien tal-Forti Bengħajsa li hija l-aħħar fortifikazzjoni Vittorjana li nbniet fil-Gżejjer Maltin.

It-titlu tal-art tal-Forti Bengħajsa, li tinsab f’Birżebbuġa, ġie trasferit għal għand Heritage Malta mill-Awtorità tal-Artijiet waqt ċerimonja uffiċjali fejn kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.

Issa li Heritage Malta ħadet it-titlu fuq il-Forti se tkun qed tanalizza l-qagħda strutturali ta’ dan is-sit storiku bil-għan li tagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod sostenibbli.  L-Aġenzija se tkun qed taħdem ukoll mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, għaqdiet nazzjonali bħall-Iscout Association u għaqdiet volontarji oħrajn f’Birżebbuġa biex jassistuha fit-tmexxija ta’ dan is-sit.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li l-Forti Bengħajsa, li hi kbira 40 tomna, bis-saħħa ta’ dan it-trasferiment se tkun qed terġa’ tingħata lura lin-nies wara snin twal li fihom il-poplu ġie mċaħħad mit-tgawdija ta’ dan il-wirt storiku. Huwa qal li dan is-sit għandu valur storiku u kulturali kbir għall-komunità u għalhekk huwa essenzjali li jiġi protett u mħares kif jixraq. 

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li permezz ta’ dan il-proġett, il-Forti Bengħajsa se jsir spazju aċċessibbli għall-pubbliku, fejn il-familji, iż-żgħażagħ u l-volontarjat ikunu jistgħu jgawdu ambjent sigur u sabiħ. Huwa enfasizza li din hija parti minn viżjoni usa’ biex il-wirt nazzjonali jiġi ppreservat u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li għal darba oħra reġgħet intweriet fiduċja sħiħa fl-aġenzija biex tieħu ħsieb kif jixraq il-patrimonju ta’ pajjiżna u biex trodd lura lill-pubbliku spazji storiċi li ma kinux aċċessibbli għalih u li issa qed jingħataw lura d-dinjità li jistħoqqilhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, sostna li t-trasferiment tal-Forti Bengħajsa lil Heritage Malta jirrappreżenta pass importanti biex din il-proprjetà pubblika ta’ valur storiku u kulturali tingħata l-użu xieraq tagħha għall-ġid tal-komunità u opportunitajiet għal għaqdiet volontarji. Huwa spjega li l-Awtorità ħadmet b’mod deċiżiv biex tirregolarizza s-sit, inkluż permezz ta’ azzjonijiet ta’ infurzar kontra okkupazzjoni illegali, filwaqt li rrimarka li għadhom għaddejjin xi proċeduri fil-Qrati marbuta ma’ ordni ta’ żgumbrament minn uħud mill-okkupanti illegali fuq parti mill-Forti. Huwa żied jgħid li l-Awtorità tibqa’ impenjata li tassigura li artijiet tal-Gvern jintużaw b’mod sostenibbli u fl-aħjar interess tal-pubbliku, u esprima fiduċja sħiħa li Heritage Malta se tkompli tħares u tippromwovi dan il-wirt storiku uniku.

Scott Camilleri, is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, saħaq li dan huwa mument storiku għal-lokalità. “Dan il-post storiku fil-lokalità tagħna għandu valur ta’ importanza kbira għall-istorja ta’ Birżebbuġa kif ukoll għal dik ta’ Malta kollha. Il-Kunsill issa jħares ’il quddiem biex jara dan l-ispazju jiġi rriġenerat u jitgawda mill-pubbliku.” Is-Sindku temm billi rringrazzja lill-Gvern għall-impenn tiegħu sabiex dan il-post jingħata lura għall-aċċess pubbliku.

Fix-xhur li għaddew, l-Awtorità tal-Artijiet kienet ħadet passi legali u mexxiet azzjoni koordinata mal-forzi tal-ordni sabiex jiġu żgumbrati l-okkupanti illegali kollha. Madankollu, wieħed irid jinnota illi attwalment fuq parti żgħira u distinta minn din il-Forti għadhom għaddejjin proċeduri fil-Qrati marbuta ma’ ordni ta’ żgumbrament wara proċeduri inizjati minn uħud mill-okkupanti llegali. Tneħħew ukoll ħafna strutturi llegali li kienu inbnew matul iż-żmien. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport