Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li l-Gvern jinsab determinat li jsalva l-Forti ta’ Tigné milli jiġi żviluppat u b’hekk dan il-wirt kulturali ta’ valur nazzjonali u internazzjonali jintradd lura lill-poplu.
Huwa sostna dan fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida minn Manoel Island – sit bi storja sabiħa u b’futur saħansitra isbaħ, li huwa wkoll wieħed mit-tliet postijiet li l-Gvern wiegħed li se jiġu ritornati lura għand il-familji.
Il-Prim Ministru beda biex qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat, bdiet konsultazzjoni mat-tfal u ta’ dan irringrazzjahom tal-għajnuna tagħhom. Għalkemm xejn faċli minħabba obbligi kuntrattwali tal-passat, Dr Abela qal li “lesti li nirritornaw lill-poplu dawn il-postijiet biex ikollna aktar parks nazzjonali.”
“Manoel Island. White Rocks. Forti Campbell. U kieku kellna nżidu magħhom il-Forti ta’ Tigné, ma tkunx rebħa oħra kbira għall-poplu tagħna?,” kompla l-Prim Ministru filwaqt li saħaq li din hi Malta li jrid lil uliedna jgħixu fiha – pajjiż li fih tqatta’ l-isbaħ żmien mal-għeżież tiegħu.
“Għandna ħafna biex inkunu kburin”
Il-Prim Ministru tenna li bħala Gvern qatt ma ddejqu mill-isfidi u dejjem raw kif idawruhom f’opportunità, bla ebda qtigħ il-qalb. Enfasizza li “s-sena li għaddiet affrontajna l-effetti tal-gwerer u kriżijiet ekonomiċi li ġabu staġnar internazzjonali.
“Imma magħqudin, bħala poplu wieħed, bil-għaqal u b’determinazzjoni, l-ebda minn dawn l-isfidi ma rnexxielhom iwaqqfu l-progress ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru kompla jgħid li għandna ħafna biex inkunu kburin. Kburin b’ekonomija b’saħħitha li toffri futur sod lill-familji kollha, u karrieri ta’ kwalità lil uliedna.
“Ekonomija b’saħħitha li ssarrfet f’aktar flus fil-bwiet tal-familji, u opportunitajiet ġodda għan-negozji li għażlu hawn biex jinvestu fih.
“Fissret ukoll li stajna ninvestu bil-qawwa biex intejbu l-ħajja tan-nies.
“Fl-aħħar snin, bħala pajjiż magħqud, li jaħdem għall-ġid komuni daħħalna għajnuniet illi f’pajjiżi oħra lanqas biss joħolmu bihom.
“Fosthom iċ-childcare bla ħlas, it-trasport pubbliku bla ħlas bl-art u bil-baħar, l-għajnuna fuq l-enerġija, it-tneħħija tal-income tax fuq ġenituri middle-class.
“Imma mhux biss.
“Tajna s-saħħa tal-liġi biex f’pajjiżna tkun tista’ tħobb lil min tixtieq mingħajr ebda diskriminazzjoni, għax nemmnu fl-ugwaljanza u li xejn ma jwaqqfek milli tasal fejn taspira,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa sostna wkoll li dan huwa parti mis-suċċess ta’ pajjiżna. “Is-suċċess tagħkom, kollu bis-saħħa tagħkom. Bid-deċiżjonijiet li ħadna flimkien. Quddiem sfidi li quddiemhom għotru ġnus li huma ferm akbar, intom ma waqaftux taħdmu għall-ġid tagħkom u ta’ wliedkom. Ta’ dan nirringrazzjakom. Dak huwa l-bażi tas-suċċess ekonomiku u soċjali Għawdxi u Malti.”
“Il-bżulija. L-imħabba tal-omm. L-imħabba tal-missier. Li jagħtu kollox għal uliedhom. Li jridu jagħtuhom l-aqwa opportunità. L-aqwa bidu. L-aqwa sostenn. L-imħabba li juru l-anzjani tagħna. Mhux biss għal uliedhom, imma għal pajjiżhom. Kienu huma li bnew pajjiżna mix-xejn u aħna rridu nkomplu nsaħħu fuq il-passi tagħhom.”
“Jien missier. Għal bintna, Lydia u jien irridu pajjiż dejjem aqwa. Irridu li bintna jkollha l-aqwa opportunitajiet biex timraħ ’il quddiem lejn dak kollu li taspira għalih. U bħalna, kull ġenitur ieħor. F’Malta li tħares ’il quddiem, ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura.”
“Il-qalba diġitali se tfisser trasformazzjoni sħiħa tas-soċjetà tagħna”
Il-Prim Ministru enfasizza li rridu nibqgħu mexjin ’il quddiem fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-arti, fl-isport, fil-kultura, fin-negozju. F’dak kollu li huwa importanti għal ħajjitna.
Tenna li għalhekk il-Gvern qed jaħdem għal aktar riformi favur pajjiżna. Bħal fuq kull pajjiż ieħor, ġej żmien ta’ bidliet oħra. Forsi l-ikbar bidliet li qatt seħħew fl-istorja tal-bniedem.
Dr Abela qal li l-qalba diġitali se tfisser trasformazzjoni sħiħa tas-soċjetà tagħna. “L-esperti jaqblu li pajjiżna fost l-aktar imħejji għad-dinja diġitali, imma xorta rridu nwettqu aktar riformi ħalli dak kollu li nwettqu jkun ta’ vantaġġ għall-familji u n-negozji tagħna.”
Għalhekk ukoll li l-Gvern se jkun qed itellaq il-Viżjoni Malta 2050. L-ewwel pjan komprensiv għal pajjiżna, wara proċess li fih saret konsultazzjoni ma’ kulħadd.
Viżjoni li tpoġġi quddiemna tliet miri ewlenin.
- Li nitilgħu mal-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fl-iżvilupp uman;
- Li d-dħul tal-familji tagħna jaqbeż b’terz dak ta’ familja medja Ewropea; u
- Li f’pajjiżna jkollna livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja fost l-aqwa ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru sostna li “jekk dawn il-miri nagħmluhom kisbiet għall-familji li huma tant għal qalbna, kif ser jirnexxielna nagħmlu, ikollhom prosperità ġdida.” Huwa nnota wkoll li biex itellqu din il-viżjoni kien meħtieġ li jressqu l-aqwa Budget fl-istorja. Budget li bih qed jinvestu bis-saħħa fil-familji.
“Se nimplimentaw aktar proġetti importanti fis-sena l-ġdida”
Dwar is-sena l-ġdida, il-Prim Ministru qal li din se tkun sena importanti ħafna għall-futur ta’ ġensna. Sena li fiha se jiġu implimentati aktar proġetti importanti.
Fl-infrastruttura tas-saħħa, se jibda l-bini ta’ Sptar ġdid għas-Saħħa Mentali li se jifforma parti mill-Isptar Mater Dei, flimkien mal-bini tad-Dipartiment tal-Emerġenza li jkun wieħed akbar.
Wara xhur ta’ preparazzjoni, fil-bidu tas-sena se jibda l-proċess li jara li pajjiżna jibni sptar speċjalizzat ta’ 300 sodda għall-anzjani tagħna ġewwa San Vinċenz, imfassal madwar il-kunċett ta’ Intermediate Care.
Se jitnieda wkoll il-Masterplan tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jittellaq proċess biex dak il-Masterplan jitwettaq. Proġett li huwa ħolma għal pajjiżna.
L-2026 se tara wkoll aktar investiment fil-faċilitajiet sportivi fosthom it-tkomplija u l-eventwali tlestija tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far.
Daqstant ieħor se jimbuttaw dwar ir-reklamazzjoni tal-art biex proġetti suċċess bħal dak li qed jitwettaq bħalissa fil-Malta Freeport, ikollna iżjed minnhom u ta’ daqs saħansitra akbar.
“Nassigurakom li jekk qabel tajna ħafna għal pajjiżna, issa se nkunu qed nagħtu ħafna iżjed,” kompla jgħid il-Prim Ministru. “Se nibqgħu deċiżivi kif dejjem konna, għall-ġid tal-familji Għawdxin u Maltin, fl-interess ta’ pajjiżna, l-ewwel u qabel kollox.
“Hekk kif għadna kif għalaqna b’suċċess il-Presidenza tagħna tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, se nibqgħu dak il-pajjiż li jkun vuċi importanti fid-dinja favur il-paċi.”
“Qatt m’għandna nieqfu naħdmu għall-paċi”
Dr Abela qal ukoll li fl-aħħar jiem, “konna wieħed minn erba’ Stati Membri biss li filwaqt li konna favur illi l-Unjoni Ewropea tgħin lill-poplu Ukren, konna sodi li dan kellu jsir bi strument differenti minn dak li kien qed jiġi imbuttat ’il quddiem, biex ma jinħolqux tensjonijiet ġodda, jew li jingħalaq il-bieb tal-paċi darba għal dejjem. U wara negozjati fit-tul, wasalna għal dak il-ftehim li xtaqna aħna. Urejna kuraġġ u sens ta’ deċiżjoni tajjeb.
“Tant eluf ta’ ħajjiet innoċenti ta’ ġenituri, nanniet, u tfal li ntilfu u għadhom qed jintilfu.
“Aħna komplejna nagħtu l-għajnuna umanitarja u futur aqwa lit-tfal midruba, fosthom dawk Palestinjani. Tajnihom kenn ġewwa darna.
“Waqt li madwarna għaddejjin il-gwerer u l-ġirja dwar aktar nefqa fl-armamenti, Malta baqgħet sovrana, tirrispetta l-Kostituzzjoni tagħha u komplejna ngħixu fil-paċi u l-progress soċjali.
“Qatt m’għandna nieqfu naħdmu għall-paċi. Il-paċi hija ċ-ċavetta tal-prosperità u rridu li l-familji tagħna jibqgħu jgawdu minnha.”
Il-Prim Ministru qal li s-sena l-ġdida għandha tkun dik illi fiha nagħmlu l-qabża li jmiss. “Għalhekk irridu l-ideat ta’ kulħadd. Biex inwettqu ħolm ġdid u nilħqu oġġettivi dejjem aktar ambizzjużi. Persważ li dak huwa li tixtiequ intom għal pajjiżna, għal Malta tagħna.”
Dr Abela temm jgħid li se jkun qed jagħmel b’ħiltu u b’saħħtu kollha sabiex l-aspirazzjonijiet tan-nies ikomplu jsiru realtà. “Flimkien se naslu. F’ismi, f’isem marti Lydia, u bintna Giorgia-Mae nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom sena ta’ għaqda, saħħa u paċi.”


