Id-dokument finali tal-Forum Interfaith tal-G20 li sar f’Bologna, l-Italja approva proposta mressqa mill-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo li wasal iż-żmien li tissejjaħ Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran.
Il-Ministru Bartolo qal lill-Konferenza li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa, jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. L-Ewropa teħtieġ terġa’ tqajjem l-ispirtu ta’ Ħelsinki u qal li Konferenza bħal din tista’ tissejjaħ fl-2025, il-50 anniversarju tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa li saret f’Ħelsinki fl-1975.
Rappreżentanti tal-Gvern Taljan u tal-Vatikan li attendew l-Konferenza għarfu l-importanza tal-proposta tal-Ministru Bartolo u qalu li l-pajjiżi Mediterranji għandhom bżonn jiltaqgħu u jaħdmu flimkien għall-ġid komuni u l-paċi fil-Mediterran.
Il-Ministru Bartolo ltaqa’ wkoll mal-eks Prim Ministru Taljan Romano Prodi li għaraf l-importanza tal-proposta ta’ Malta. Is-Sur Prodi ħeġġeġ lill-gvern Malti biex isegwi l-vokazzjoni Mediterranja tiegħu.
Il-Forum Interfaith tal-G20 għalaq b’indirizz tal-Prim Ministru Taljan Mario Draghi.