Wednesday, June 11, 2025

Il-Forzi Armati ta’ Malta jissaħħu bi tlieta u sebgħin suldat ġdid 

Aqra wkoll

Tiġdid ta’ tlieta u sebgħin suldat fil-Forzi Armati li ssieħbu f’dan il-korp wara ċerimonja li matulha ħadu l-ġurament ta’ lealtà waqt parata ta’ inawgurazzjoni. Fost is-suldati ġodda hemm għaxar nisa.

F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-passing out, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fakkar li fl-aħħar snin sar investiment bla preċedent fl-Armata, li mhux biss jirrigwarda l-għodda li tintuża sew jekk hux għall-operat fuq l-art, fil-baħar jew fl-ajru. Però l-akbar investiment sar fil-ħaddiem.

Il-Ministru Camilleri qal li r-rekluti ġodda deħlin f’armata fejn il-membri tagħha ngħataw dritt li jissieħbu f’union u qed igawdu l-frott tal-ewwel ftehim kollettiv li tejbilhom ferm il-pagi, il-kundizzjonijiet, id-drittijiet u pensjonijiet tagħhom. Huwa ħabbar li n-negozjati li se jerġgħu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-membri tal-armata waslu f’fażi avvanzata. 

Huwa saħaq li l-pajjiż min-naħa l-oħra jistenna mill-membri kollha tal-armata lealtà assoluta lejn il-kostituzzjoni u l-liġijiet kif ukoll li jkunu dixxiplinati u ma jtappnux ir-reputazzjoni tal-Forzi Armati.

Min-naħa tiegħu, il-Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clifton O’Neill qal li llum il-Forzi Armati huma kburin li qegħdin jaqtgħu l-frott tal-ħidma tagħhom, fejn meta mqabbla ma’ dawn l-aħħar snin, f’dan ir-reklutaġġ kien hemm numru rekord ta’ applikanti kif ukoll numru rekord f’parata tal-passing out. Il-Brigadier O’Neill qal li l-viżjoni tiegħu hi li l-armata tibqa’ tiġbed lejha żgħażagħ biex tibqa’ tiġġedded u tissaħħaħ.

Il-Forzi Armati jiftħu l-bieb għar-reklutaġġ darba fis-sena. Fil-fatt is-sena l-oħra kienu ssieħbu fl-armata tlieta u ħamsin gunner. Il-kors ta’ reklutaġġ idum sejjer madwar dsatax-il ġimgħa u matulu r-rekluti jingħataw taħriġ fiżiku u anke militari bħala l-ewwel passi fil-karriera militari tagħhom.  Bħalissa wkoll hemm tnax-il uffiċjal kadett li qed jingħataw it-taħriġ formattiv tagħhom, x’uħud anke barra minn Malta.

Waqt iċ-ċerimonja tal-passing out, is-suldat Jeanelle Falzon ingħatat il-premju tal-aħjar rekluta tal-kors. 

Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport