Thursday, January 22, 2026

“Il-forzi progressivi tejbu l-qagħda tal-ħaddiem f’Malta”

- il-Prim Ministru Robert Abela 

Aqra wkoll

“Flimkien ksibna ħafna. Iżda niksbu kemm niksbu, xogħolna hu li nibqgħu nimbuttaw għal aktar progress soċjali u dejjem nibqgħu nsaħħu d-drittijiet u l-qagħda tal-ħaddiema f’pajjiżna.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jindirizza l-Kungress Nazzjonali tal-General Workers’ Union li sar ilbieraħ fil-Workers’ Memorial Building.

Il-Prim Ministru beda biex qal li l-GWU, mal-Partit Laburista, kienet strumentali fl-iżvilupp ta’ pajjiżna. Qal li matul is-snin, il-qagħda tal-ħaddiema kompliet titjieb għax pajjiżna kellu forzi progressivi, u fuq quddiem nett kien hemm il-GWU. 

Tkellem ukoll dwar il-Viżjoni Malta 2050, u nnota li l-GWU kienet ilha tisħaq dwar il-bżonn li jkollna viżjoni fit-tul għal pajjiżna. Qal li din il-viżjoni se tkun qiegħda titnieda b’mod formali fi ftit tal-ġimgħat oħra. 

Il-Prim Ministru enfasizza li “fil-ħidma ta’ kuljum irridu nibqgħu nimbuttaw drittijiet tal-ħaddiema. Wasalna għal tant ftehimiet kollettivi. Matul is-sena l-oħra ffirmajna xejn inqas minn 41 ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku. Minn dawn, 25 minnhom kien hemm il-GWU li kienet qed tirrappreżenta lill-ħaddiema. Minn dawn il-ftehimiet li kienet involuta fihom il-GWU, gawdew aktar minn 4,000 ħaddiem.” 

Il-Prim Ministru qal li jħares ’il quddiem għall-pass li jmiss u għal aktar ftehimiet kollettivi li jirriflettu s-saħħa tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-GWU biex il-ħaddiema li jwasslu l-ikel fid-djar ikollhom kundizzjonijiet diċenti.

Dr Abela qal ukoll li llum pajjiżna jgawdi minn sitwazzjoni ta’ full employment, fejn illum ma nitkellmux biss fuq il-ħolqien ta’ impjiegi imma ħolqien ta’ karrieri.

Il-Prim Ministru tenna li: “l-istabbiltà tibqa’ ċ-ċavetta tal-prosperità. Dik il-prosperità ġdida li issa nkomplu niksbuha malli nibdew nimplimentaw il-Viżjoni Malta 2050. Fadal iżjed xi nwettqu biex inkomplu nsaħħu l-qagħda tal-ħaddiema. 

“Se tibqgħu ssibu l-appoġġ tagħna kif dejjem sibtu. Ftit aktar minn sena ilu meta tajniekom l-istabbiltà dejjiema, il-garanzija li intom tibqgħu taħdmu minn ġewwa din id-dar tagħkom u tibqgħu hawn il-ħaddiema. Bis-saħħa tal-vot tagħna fil-Parlament issiġillajna dak li ħadieħor ipprova jeħdilkom.

“Illum qegħdin hawn niċċelebraw għal darba oħra l-kisbiet tagħkom ta’ dawn l-aħħar xhur, filwaqt li nħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma fejjieda favur l-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione semma kif matul is-snin is-soċjetà Maltija nbidlet ħafna. Qal li l-ġenerazzjoni żagħżugħa qiegħda turina li l-iskemi tal-passat m’għadhomx jgħoddu għaliha, sew fid-dinja tax-xogħol u anke fil-politika. Ġenerazzjoni li qiegħda taħseb b’mod differenti. Perici Calascione qal li għalhekk irridu nassiguraw li noffru pajjiż ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna.

Huwa qal li l-influss ta’ ħaddiema barranin ġab miegħu sfidi oħra marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Innota li dawn il-ħaddiema rrikorrew għand il-GWU u oħrajn minħabba l-mod ta’ kif kienu qed jiġu trattati u sabiex ikollhom kundizzjonijiet aħjar. 

Perici Calascione tenna wkoll li huwa inkoraġġanti li fuq numru ta’ kwistjonijiet, il-Partit Nazzjonalista u l-GWU sabu konverġenza u qbil fosthom dwar il-COLA u l-importanza ta’ miżuri li jassiguraw work-life balance u appoġġ effettiv liż-żgħażagħ. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport