Saturday, December 21, 2024

Il-franchise ta’ Alien terġa’ taqbad l-art

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“Alien: Romulus” temm ir-renju ta’ “Deadpool & Wolverine” li dam tliet ġimgħat fil-quċċata.  Is-seba’ film fil-franchise ta’ “Alien” kellu dħul ta’ $41.5 miljun fil-box office Amerikana.  Magħhom wieħed irid iżid $66.7 miljun mill-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri.

B’hekk, wieħed jista’ jgħid li l-kumpanija Disney reġa kellha sajf ieħor stupend, billi l-films “Kingdom of the Planet of the Apes”, “Inside Out 2” u “Deadpool & Wolverine” kollha kemm success biex sa issa, matul l-2024 il-films tagħhom kellhom dħul globali ta’ aktar minn $3 biljun.  U aktar tard din is-sena, għad baqalhom “Moana 2” u “Mufasa: The Lion King” li għad iridu joħorġu għall-wiri.

“Deadpool & Wolverine” niżel fit-tieni post b’dħul bi ftit aktar minn dak ta’ “It Ends With Us”.  Fir-raba’ post tal-box office Amerikana, hu okkupat minn “Twisters”.  Fil-ħames post, hemm il-film “Coraline”, li hu stop-motion animation fantasy film.  Dan il-film qed jerġa jkun fit-teatri biex jiċċelebra l-15-il anniversarju minn meta ħareġ għall-wiri l-ewwel darba.

Alien: Romulus

45 sena ilu, Ridley Scott kien tana “Alien”.  Sal-lum, dan il-film għadu meqjus bħala l-aqwa alien horror film li nħadem.

Il-film il-ġdid “Alien Romulus” hu s-7 film minn din il-franchise.  Xejn ma jiżboq l-ewwel wieħed, minkejja li l-aħħar żewġ sequels, “Prometheus” tal-2012 u “Alien: Covenant” tal-2017 reġa kellhom lil Ridley Scott fuq is-siġġu tad-direzzjoni.

Il-film il-ġdid “Alien Romulus” għandu bħala direttur lill-Urugwajan, Fede Álvarez.  In-narrattiva teħodna x’imkien bejn l-ewwel wieħed u t-tieni wieħed li kien jismu “Aliens” u kien inħadem minn James Cameron.  Alvarez isostni li meta kien qed jinkiteb l-iskript, huma dejjem ħa l-pariri tal-producer Ridley Scott u ddiskutih aktar minn darba ma’ James Cameron. 

Dan għamlu sabiex “Alien: Romulus” verament ikompli t-tradizzjoni li beda l-ewwel wieħed, billi n-narrattiva tal-film il-ġdid isseħħ madwar 20 sena wara dik ta’ “Alien”.  Ir-riżultat hu li “Alien: Romulus” hu ferm aħjar mill-aħħar tlieta f’din il-franchise, minkejja li ma ma joħroġ xejn differenti minn dak li rajna sa issa.

Fil-fatt, in-narrattiva mhix sostanzjalment differenti minn dik ta’ l-ewwel film. Grupp żgħażagħ jippjanaw li jaħarbu minn kolonja fl-ispazju, li hi speċi ta’ ħabs, mingħajr ma tara d-dawl tax-xemx.  Magħhom tissieħeb Rain Carradine (Cailee Spaeny) li tkun ħaddiema tal-minjiera.  Huma jkunu qed ifittxu stazzjon spazjali li jkun abbandunat meta jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ l-aktar ħlejqa tat-twerwir li tista’ ssib fl-ispazju.

“Alien: Romulus” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija ta’ biża’ u lingwaġġ.

Noah’s Ark

Dan hu film animat Brażiljan.  L-istorja tal-arka ta’ Noah mgħandha bżonn ebda ntroduzzjoni.  Il-mod divertenti kif diretturi Alois Di Leo u Sergio Machado jiżviluppawh jagħmel dan il-film interessanti.

Il-protagonisti huma żewġ ġrieden – it-tnejn maskili: Vini u Tito.  Vini hu poeta kariżmatiku imma jitwerwer meta jiffaċċja udjenza.  Tito hu kitarrista simpatiku.

Meta jseħħ id-dulluvju, raġel wieħed u mara waħda jistgħu jidħlu fl-arka.  Kif dawn it-tnejn ser jiżgiċċaw u jżommu ħaj l-ispirtu tal-annimali l-oħra kemm idumu magħluqa?

“Noah’s Ark” hu kklassifikat U.  Fih xi ftit umoriżmu goff u dettal ta’ korriment.

Jackpot!

Dan hu film komiku, u fl-istess ħin satira fuq kemm hawn nies li joħolmu li jsiru sinjuri u famużi mil-lejl għan-nhar billi jirbħu l-lotterija.  Imma fl-2030, ir-regoli ta’ lotterija kbira f’Kalifornja huma differenti.  Mhux biss irid ikollok il-biljett elettroniku rebbieħ, imma biex tieħu l-premju trid tibqa’ ħaj sakemm tinżel ix-xemx.  Dan għax in-nies l-oħra ser jiġru wara r-rebbieħ biex joqtluh u min joqtlu jieħu l-premju għalih!

Awkwafina għandha l-parti ta’ Katie.  Ma xtrat ebda biljett imma l-wieħed li ssib fil-libsa, ikun il-biljett elettroniku rebbieħ.  Minn hawn ’l quddiem, kulħadd irid joqtolha.  Fortunatament għaliha, il-boduguard Noel (John Cena) ikun is-salvatur tagħha kontra in-nies l-oħra kollha jiġru warajha biex joqtluha.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Paul Feig, John Cena hu aktar konvinċenti għal din it-tip ta’ kummiedja fiżika minħabab li kien lottatur professjonali.

“Jackpot!” hu kklassifikat 15 minħabba lingwaġġ laxk, xeni vjolenti u referenzi għas-sess.

Ekonomija

Sport