Il-players ta’ Franza, Kingsley Coman u Aurelien Tchouameni, ġew suġġetti għal abbuż razzjali fuq il-midja soċjali wara li fallew il-penalties tagħhom fil-finali tat-Tazza tad-Dinja.
Franza sfaw megħluba 4-2 fl-għoti tal-penalties mill-Arġentina, nhar il-Ħadd li għadda, hekk kif naqsu milli jiddefendu t-titlu mondjali tagħhom.
Il-club ta’ Coman, Bayern Munich, tella’ messaġġ ta’ appoġġ għall-winger ta’ 26 sena.
Il-penalty tiegħu ġie salvat mill-goalkeeper tal-Arġentina Emiliano Martinez, filwaqt li t-tentattiv ta’ Tchouameni spiċċa barra.
“Bayern Munich jikkundannaw bil-qawwa kollha l-kummenti razzisti li saru fil-konfront ta’ Kingsley Coman,” qalet stqarrija tal-club.
“Il-familja ta’ Bayern hija warajk, King. Ir-razziżmu m’għandux post fl-isport jew fis-soċjetà tagħna.”
Dan isegwi l-abbuż razzist immirat lejn Marcus Rashford, Jadon Sancho u Bukayo Saka wara t-telfa finali tal-Ingilterra tal-Euro 2020 kontra l-Italja, is-sena li għaddiet.
It-tliet players fallew il-penalties fit-telfa ta’ 3-2 wara li din il-finali ntemmet fi draw ta’ 1-1.