Wednesday, December 25, 2024

Il-Franċiżi jivvutaw għal President… tissokta t-taqtigħa bejn Macron u Le Pen

Aqra wkoll

Il-Franċiżi llum qed jivvutaw għal President li se jkun qed imexxi għall-ħames snin li ġejjin.

B’dan il-mod huma se jkunu qed jiddeċiedu jekk jerġgħux jagħtu l-mandat lill-President attwali li jħaddan politika ċentrali, Emmanuel Macron jew jagħtux il-fiduċja tagħhom lill-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen.

L-ewwel rawnd tal-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza tal-2022 saret fl-10 ta’ April.

Sabiex jirbħu, it-tnejn iridu jattiraw votanti li appoġġjaw kandidati oħra fl-ewwel rawnd.

Il-kritiċi ta’ Macron isejħulu arroganti u President tas-sinjuri, filwaqt li Le Pen ġiet akkużata li għandha rabtiet mill-qrib mal-President Russu Vladimir Putin.

Ħames snin ilu Macron tela’ fuq wegħda ta’ bidla, iżda ħafna jilmentaw li għadhom iridu jarawha. Il-presidenza tiegħu ġiet mifnija bil-protesti, il-pandemija tal-Covid u issa ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

Marine Le Pen, intant, tgħallmet mill-iżbalji li għamlet meta ġiet megħluba mill-istess avversarju fit-tieni rawnd fl-2017. Din hija t-tielet darba li qed tikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Franza.

Il-votazzjoni bdiet fit-8.00a.m. u tintemm madwar 12-il siegħa wara. 

Ikun xi jkun ir-riżultat, Macron se jkun qed jindirizza lill-votanti l-Ħadd filgħaxija minn palk biswit it-Torri Eiffel.

Ekonomija

Sport