Bastiment żgħir bl-isem ta’ “Madleen” li fuqu kien hemm tagħbija ta’ ikel u mediċinali għal Gaża. Jinħatar mill-militar Iżraeljan kif wasal qrib Gaża. Mhux wieħed u tnejn staqsew imma dak il-bastiment kemm jista’ jġorr ikel? Kemm jista’ jġorr mediċinali? Dan il-ħsieb ikompli jissaħħaħ meta tara l-filmati ta’ trakkijiet sħaħ jistennew fi kju minħabba l-imblokk ta’ għajnuna lejn Gaza.
X’differenza kien se jagħmel dan il-bastiment? Min jirraġuna ikun qed jirraġuna b’mod żbaljat. Hu minnu li l-għajnuna abbord kienet fi kwantità simbolika. M’hemm ebda dubju li dik l-għajnuna ma kinitx se tagħmel differenza kbira fost il-poplu Palestijan mifni minn ġuħ kbir. Biżżejjed wieħed jara dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li kienu stmat li hemm bżonn mill-inqas 500 trakk ta’ għajnjuna kuljum biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi tal-Palestinjani f’Gaża.
Ma kien hemm l-ebda dubju lanqas li l-Gvern Iżraeljan ma kienx se jħalli lil dan il-bastiment jidħol f’Gaża. U għalhekk ma kinitx sorpriża li kif il-bastiment wasal qrib, dan kien se jkun interċettat mill-militar Iżraeljan.
Ħafna kienu dawk li rrabajaw u ddiżappuntaw ruħhom li l-bastiment ma daħalx f’Gaża. Ħafna esprimew ir-rabja għal dak li ġara u għall-fatt li l-attivisti abbord ġew arrestati. B’dak li seħħ iżda, il-‘Madleen’ u l-attivisti abbord laħqu l-għan tagħhom. Wettqu missjoni importanti. Fil-port ma daħlux. L-għajnuna simbolika ma wassluhiex. Minkejja dan imma urew lid-dinja u lill-gvernijiet li jinsabu fommhom mitbuq u passivi, li Gaża mhix minsija, minkejja li l-poplu f’Gaża ma fadallu, minkejja li qegħdin imutu bil-ġuħ, minkejja li jinqatlu waqt li jkunu sejrin għall-ikel.
Dawn l-attivisti, li rriskjaw kollox wasslu messaġġ lill-Gvernijiet u lid-dinja li m’għandekx tibqa’ ċass quddiem ksur ta’ obbligi legali internazzjonali. Dawn l-attivisti urewna li anke jekk kulħadd tkun kontrik, jekk taf li mhux se tasal fid-destinazzjoni tiegħek, xorta waħda għandek tibqa’ tipprova. Tagħmel l-almu tiegħek. Il-persistenza. Għax mingħajr persistenza l-attiviżmu jitlef l-umanità tiegħu.
U iva, il-‘Madleen’ twaqqaf ‘barra minn Gaża, imma l-messaġġ li ġarr dak il-bastiment dar id-dinja f’ħin qasir. Kien messaġġ ċar ħafna. L-imblokk lejn Gaża hu ċar. Mhuwiex imblokk inviżibbli. Gaża m’għandhiex tintesa u titwarrab.
L-interċettazzjoni tal-bastiment mill-militar Iżraljan qiegħda tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet oħra. Fost dawn hemm il-fatt li l-interċettazzjoni saret f’ibħra internazzjonali. U minn hawn joħorġu għadd ta’ mistqosijiet, li m’hemm ebda dubju li se jkunu dibattuti fil-jiem u x-xhur li ġejjin. Fost dawn kemm kienet legali l-azzjoni li ħa l-militar ta’ Iżrael, jiġifieri li jinterċetta u jaħtaf il-bastiment meta kien f’ibħra internazzjonali. X’awtorità għandu Iżrael biex jaħtaf attivisti f’ibħra internazzjonali?
M’hemm ebda dubju li dak li seħħ mhux se jaqta’ qalb attivisti oħra, li se jibqgħu jippruvaw iwasslu messaġġ kontinwu biex Gaża tinħeles u tirrenja l-paċi. M’għandniex dubju li fil-futur se jkun hemm iniżjattivi oħra intiżi biex iwasslu messaġġ u jesponu it-tbatija li għaddejja minnha dan il-poplu.
Li jiskantak quddiem dan kollu hu l-passività ta’ għadd kbir ta’ pajjiżi. L-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha, il-pajjiżi Ewropej u l-Istati Uniti, kollha siktin dwar it-traġedja umana li għaddejja f’Gaża. Traġedja li qiegħda tħalli imwiet. Persuni saru għadma u ġilda wara ġimgħat sħaħ bla ikel. Diversi miete minħabba l-ġuħ. Oħrajna mietu minħabba nuqqas ta’ kura. Oħrajn jinqatlu f’attakki. Traġedja ta’ poplu u nies innoċenti. Traġedja li qegħdin narawha quddiem għajnejna. Ir-risposta għal din imma hi politiċi Ewropej iċċassati. Id-domanda hi ċara ħafna: meta se jintemm dan il-kunflitt? Kemm se ndumu jinqatlu tfal, missirijiet u ommijiet? Meta l-politiċi se jxammru l-kliem u jaraw li dan il-kunflitt jintemm?