Tuesday, November 19, 2024

Il-French Open mhux se jkun l-istess mingħajr Rafael Nadal

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti, Rafael Nadal, qal li se jitlef l-French Open wara li ma rnexxielux jerġa’ jikseb il-kundizzjoni fiżika sħiħa minn injury fil-ġenbejn li ġarrab fl-Australian Open f’Jannar li għadda.

Ir-rebbieħ 14-il darba f’Roland Garros qal ukoll nhar il-Ħamis li jistenna li s-sena d-dieħla tkun l-aħħar tiegħu fiċ-ċirkwit kompetittiv tat-tennis.

“L-evoluzzjoni tal-injury li ġarrabt fl-Awstralja ma marritx kif xtaqt. Tlift għanijiet matul it-triq, u Roland Garros sar impossibbli,” qal lill-ġurnalisti l-istilla tat-tennis.

“F’dan il-mument, mhux se nkun nista’ nkun f’Roland Garros. B’dak li hu dak it-tournament għalija, tista’ timmaġina kemm hu diffiċli. M’għandi l-ebda ħsieb li nkompli nilgħab għal ftit xhur li ġejjin.”

Nadal, li għandu 36 sena, qal ukoll li jistenna li l-2024 tkun l-aħħar sena tiegħu fit-tennis professjonali.

“Mhix deċiżjoni li qed nieħu, hija deċiżjoni li qed jieħu ġismi,” tenna s-superstilla Spanjol, li ilu jilgħab fit-tournament maġġur tal-courts tat-tafal kull sena mill-2005.

F’Marzu, Nadal niżel mill-ewwel 10 fir-rankings mondjali għall-ewwel darba fi 18-il sena. Meta se jitlef l-French Open, huwa probabbli li joħroġ mill-aqwa 100.

Nadal qal li kien iddeċieda li jieħu ftit xhur ta’ mistrieħ qabel jerġa’ jibda jilgħab.

“Mhux se nistabbilixxi data għar-ritorn tiegħi. Nara kif ġismi jirrispondi u neħodha minn hemm… jekk nista’ nerġa’ lura sal-aħħar tas-sena għat-Tazza Davis.”

“Probabbilment li se tkun l-aħħar sena tiegħi fit-tour professjonali, ma nistax ngħid dan 100 fil-mija għax qatt ma tkun taf x’se jiġri,” huwa temm jgħid.

Sport