Saturday, December 21, 2024

Il-Frontex tiċċara … l-erba’ dgħajjes bl-immigranti taħt kontroll

Aqra wkoll

Minn Melvin Farrugia

L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tal-Kosta u l-Fruntieri, il-Frontex, iċċarat ma’ Inewsmalta li l-erba’ dgħajjes bl-immigranti issa huma kollha taħt kontroll; tnejn minnhom fi Sqallija, filwaqt li tnejn oħra huma fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. 

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna, il-Frontex spjegat li nhar il-Ġimgħa kien hemm ajruplan minn tagħha li ra tliet dgħajjes bl-immigranti fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana. Spjegat li skont il-proċeduri operattivi tagħha u skont il-liġi internazzjonali, hi informat minnufih lill-awtoritajiet Taljani, Maltin, Libjani u dawk Tuneżini dwar il-post eżatt fejn kienu jinsabu dawn id-dgħajjes. 

L-għada, is-Sibt, l-ajruplan tal-Frontex ra r-raba’ dgħajsa bl-immigranti fl-istess żona u skont il-liġi reġa’ informaw lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi. 

Imbagħad, il-Ħadd dan l-ajruplan reġa’ għamel żewġ titjiriet oħra biex jaġġorna dwar il-pożizzjoni tad-dgħajjes. Żewġ dgħajjes kienu jidhru fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija u għalhekk mill-ġdid informat lill-awtoritajiet. Dakinhar stess, waslet f’Pozzallo l-Italja, it-tielet dgħajsa li kienet dehret il-Ġimgħa. 

Il-Frontex spjegat li waqt it-titjira tal-Ħadd lemħet dinghy tal-lasktu li kien imniżżel u kien jinsab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana. Spjegat li dan id-dinghy ma kellux mutur outboard u ma kien hemm ebda sinjal ta’ nies fuqu jew inkella madwaru. Dwar dan hi avżat lill-awtoritajiet ikkonċernati u fil-fatt l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw aktar tard li din id-dgħajsa kienet ġiet użata f’inċident antik, fejn l-immigranti ġew salvati u d-dgħajsa tal-lasktu tħalliet abbandunata. 

Fl-aħħar nett, il-Frontex qalet li lbieraħ irċeviet informazzjoni li d-dinghy tal-lasktu li kien maħsub li ntilef u li kien deher l-ewwel darba nhar il-Ġimgħa, kien wasal f’Porto Palo fi Sqallija. 

Ekonomija

Sport