Monday, May 13, 2024

Il-Frontex tittieħed quddiem il-Qorti Ewropea… mitluba tagħti aċċess għal dokumenti dwar pushbacks

Aqra wkoll

L-għaqda non governattiva Sea Watch flimkien mal-platform FragDenStaat, ħadu lill-Aġenzija Frontex quddiem il-Qorti Ewropea u dan minħabba li l-istess aġenzija qed iżżomm sigrieta il-koperazzjoni tagħha mal-Gwardji tal-Kosta Libjani. Sa issa matul is-sena 2022, xejn inqas minn 4,000 immigranti kienu mibgħutin lura lejn il-Libja f’dawk li m’huma xejn għajr ‘pushbacks’ mill-Gwardji tal-Kosta Libjani, liema gwardji huma finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Matul is-sena 2021, il-‘pushbacks’ kienu jammontaw għal 32,425 persuna. Dan minkejja li dawk li jkunu qed jaħarbu minn pajjiż partikolari, għandhom dritt li jitolbu ażil, ovvjament mhux fil-pajjiż li minnu jkunu qed jaħarbu. 

Sea Watch, qed tiddikjara li “bħala aġenzija nvoluta fis-sorveljanza tal-fruntieri fil-Mediterran, il-Frontex tikkordina u twettaq operazzjonijiet ta’ salvataġġ fil-baħar. Din l-aġenzija Ewropea  tiddeċiedi min hu involut f’dawn l-operazzjonijiet. Il-Frontex hi kompliċi f’għadd ta’ ksur ta’ drittijiet umani b’din it-tip ta’ koperazzjoni”.

Sea Watch u FragDenStaat iddikjaraw li “l-fatt li d-deċiżjoni ma’ min tikkopera l-Frontex tista’ tispiċċa tiswa l-ħajjiet umani u dan hu evidenti bil-koperazzjoni tal-Gwardji tal-Kosta Libjani.  Filfatt il-Gwardji tal-Kosta Libjani, li huma iffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ma jħaffux biex jgħinu lil dawk fil-bżonn f’nofs ta’ baħar u finalment jisfurzawhom biex jittieħdu lura lejn il-Libja.  La l-Frontex jidher li m’għandha l-ebda interess li tagħti informazzjoni  fuq din it-tip ta’ koperazzjoni u x’tinvolvi din l-istess koperazzjoni mal-Gwardji tal-Kosta Libjani, Sea Watch u FragDenStaat ma kellhomx triq oħra għajr li jieħdu lil din l-aġenzija fil-Qorti Ewropea”.

L-organizazzjonijiet qegħdin isostnu li “fit-30 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, l-ajruplani Seabird ta’ Sea Watch flimkien mal-bastiment Sea Watch 3, osservaw u ddokumentaw ksur ta’ drittijiet umani fiċ-ċentru tal-Mediterran. Dan fil-konfront ta’ dgħajsa b’20 persuna abbord li kienet f’ibħra internazzjonali.  F’dak il-ħin, l-eqreb bastiment għad-dgħajsa bl-immigranti kien il-bastiment Sea Watch 3 u dan kellu l-kapaċità li jwassal l-immigranti lejn l-Ewropa. Dan ma seħħx, għax il-Gwardji tal-Kosta Libjani, interċettaw id-dgħajsa u sfurzaw lil-immigranti biex jittieħdu lura lejn il-Libja. Dan meta fl-istess Libja hemm kundizzjonijiet  iebsa għal istess immigranti, u li huma deskritti minn diplomatiċi Ġermaniżi bħala li huma bħal ‘kampijiet ta’ konċentrament’.  Dawn it-tip ta’ ‘pushback, jirrappreżentaw ksur tad-drittijiet umani.

Jenfasizzaw li “l-Frontex ma tat ebda tweġibiet dwar min informa lill-Gwardji tal-Kosta Libjani b’din id-dgħajsa. Lanqas qalu min tahom l-awtorità li jaġixxu fuq din id-dgħajsa u dan minkejja li kien hemm il-bastiment Sea Watch 3 fil-qrib u lest li jaġixxi. Dan apparti l-fatt li d-drone tal-aġenzija Frontex, deher tlett darbiet idur fuq id-dgħajsa bl-immigranti qabel mal-Gwardji tal-Kosta Libjani waslu fuq il-post. 

Bil-għan li tesponi l-involviment ta’ Frontex f’dan il-ksur tad-drittijiet umani, Sea Watch għamlet talba imsejħa ‘Freedom of Information Request’ lill-aġenzija Frontex.  Frontex tikkonferma li hi għandha fil-pussess tagħha 73 dokument, fosthom filmati, vidjos u korrispondenza estensiva fuq dan l-inċident partikolari u r-rwol tagħha.   L-istess Frontex qed tirrifjuta li jkun hemm aċċess għal dawn id-dokumenti. 

Minħabba dan l-istess organizazzjoni ingħaqdet ma’ FragDenStaat u ħadu lil Frontex ‘l Qorti.  “Se nkunu qegħdin niġġieldu fil-Qorti, biex tinħareġ din l-informazzjoni li l-istess Frontex qed iżżomm moħbija”, qalet Sea Watch.

Tennew li “l-Frontex għal snin sħaħ ma kinitx trasparenti fuq ksur ta’ drittijiet umani li rriżultaw minn operazzjonijiet tagħha. Fis-sena 2020 u 2021, kien hemm 50 rapporti tal-involviment ta’ Frontex f’pushback u anke nuqqas ta’ assistenza f’każi fejn ħajjet għadd ta’ persuni kienu f’riskju.  Għal ħafna snin, il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Unjoni Ewropea kellhom dokumenti ta’ diversi tipi ta’ inċidenti li seħħew.  Minflok ma jagħtu aċċess għal dawn id-dokument, il-Frontex qed iżżommhom moħbijin.  In-nuqqas ta’ trasparenza ta’ din l-awtorità jidher minn kif tittratta talbiet ta’ informazzoni, fejn hi rrifjutat 90 fil-mija tat-talbiet li irċeviet biex ikun hemm aċċess għal dokumenti.

Ta’ min jgħid li l-Frontex kienet iffaċċjat każi simili bħal dan fis-sena 2018, fejn dakinhar il-Qorti kienet qalet li l-Frontex għandha iżżomm informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tagħha. Tennew li r-rifjut sistematiku qed jipproteġi lill-Frontex mill-iskrutinju u qed iżommha milli tkun kontabbli. Saħqu li minħabba dan il-Frontex qed issir dejjem aktar b’saħħitha u tista’ topera b’impunità u dan għas-skapitu ta’ ħajjet dawk li jkunu fil-periklu.  “Il-Qorti Ewropea issa għandha tiddeċiedi jekk il-Frontex għandhiex tkompli fuq din id-direzzjoni perikoluża jew inkella aħna għandniex ningħataw id-dritt għall-informazzjoni fuq miżuri li jistgħu jkunu ta’ periklu għal ħajjet in-nies fiċ-ċentru tal-Mediterran”. 

Sport