Iż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd. It-trabi jsiru tfal, it-tfal jikbru jsiru ġuvintur u tfajliet u jibqgħu jimmaturaw f’irġiel u nisa. Nitkellmu ħafna drabi fuq valuri u l-bżonn li l-valuri meqjusin tajbin naraw kif jiġu mgħoddijin minn ġenerazzjoni għal oħra. Bla dubju ta’ xejn li l-maġġoranza jridu l-aħjar futur għal uliedhom u l-waħdiet li ma jirnexxilhomx iwassluhom fuq dan il-vjaġġ mixtieq jistgħu jkunu affettwati minn diversi problemi fosthom kumplikazzjonijiet ta’ saħħa mentali jew minħabba li deċiżjonijiet żbaljati jwassluhom biex jispiċċaw skjavi huma stess ta’ xi vizzju jew ieħor.
Ħafna drabi nitkellmu wkoll fuq edukazzjoni sa mill-ewwel stadji tal-ħajja u l-bżonn li l-ġenituri jieħdu kontroll sa minn etajiet żgħar ta’ wliedhom. Din tkun l-ewwel tarġa biex dawn jikkoperaw ladarba jirfsu l-għatba ta’ xi istituzzjoni edukattiva li fiha jitħalltu ma’ tfal oħra u jibdew jesploraw il-ħajja.
Ma rridux immorru ħafna lura fiż-żmien u l-iżgħar fostna għad għandhom il-lussu li jistgħu jisimgħu minn fuq fomm dawk li għexu żminijiet ibsin bħalma kienet il-gwerra. Dawn in-nies li għexu f’perjodu daqstant diffiċli jgħidulek li dak iż-żmien ma kienx hawn lok ta’ tiżbit tas-saqajn għax ma ssibx xi biċċa ħobż x’tiekol jew għax il-ġenituri ma jistgħux joffrulek platt sħun kull meta bl-aptit tiegħu. Jgħidulek ukoll kif ma kienx hawn lok ta’ ċertu ġlied u li qalb il-ħsejjes qawwija tal-bombi, kemm dawk li jintħamlu u anke dawk li ma jmorrux daqshekk tajjeb fil-kumpanija ta’ xulxin, kienu jispiċċaw jingħaqdu fit-talb huma u jistkennu fix-xelter u jittamaw li la joħorġu minn hemm isibu djarhom għadhom f’posthom.
Xi rridu nfissru b’dan kollu?
Matul dawn l-aħħar snin, pajjiżna żamm il-pass fl-avvanzi fejn tidħol it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni u biex ngħidu hekk qalb il-ħafna vantaġġi ta’ ċertu affarijiet li missirijietna kienu joħolmuhom, qed nispiċċaw nitilfu l-kontroll. Tlifna l-apprezzament tal-mument u l-għaqda bejn il-familja f’ċertu ħinijiet bħalma hu l-ħin li fih il-familja tinġabar mal-mejda. It-tfal ta’ qabel, missirijietna ma kinux jibku tgħid? Dażgur li kienu jolfqu, iżda kienu jeżistu ċertu valuri li llum qed jisfumaw f’dinja fejn is-soluzzjoni hija mobile, tablet jew ipad fost teknoloġiji oħra li ma sirna nistgħu mmorru mkien mingħajrhom.
L-iskola … Nisimgħu rakkonti li huma estremitajiet u li nikkundannaw kategorikament bħalma kienu d-daqqiet fuq il-pala tal-id bir-riga. Hemm min jilmenta wkoll li tifel li jibqa’ jinjora l-ordnijiet ta’ min ikun qiegħed jieħu ħsiebu jintbagħat wiċċu ma’ ħajt f’kantuniera hija wkoll kundannabbli minħabba li l-individwi involuti jistgħu jkunu suġġetti għal esklużjoni soċjali. Mas-snin żdiedet il-preżenza tal-ġenituri fl-iskejjel minħabba diversi raġunijiet li sforz l-imħabba ta’ wliedhom jispiċċaw saħansitra jaslu f’estremitajiet li jikkundannaw għalliema jew persuni f’karigi ogħla għall-mod ta’ kif jikkontrollaw ċertu mġiba, b’detriment fil-moral ta’ dawn il-persuni li minħabba li f’għajn is-soċjetà jidhru huma bħala dawk żbaljati, f’każi oħrajn jibqgħu lura milli jikkontrollaw ċertu imġiba, jagħlqu għajn waħda biex jevitaw li jispiċċaw fil-mira ta’ attakki u hemmhekk tinxteħet il-ġebla fuq sieq l-istituzzjoni b’detriment kollettiv ta’ dawk kollha li jidħlu biex isiru s-sisien tal-ġejjieni tal-pajjiż.
F’każ mill-iktar xokkanti, fl-aħħar jiem smajna fil-qorti dwar ġuvintur taħt l-età li kkaġunaw feriti gravi fuq minorenni ieħor u li mhux ingiref fl-aggressjoni, iżda kiser siequ minn żewġ bnadi u se jkun qiegħed jitlef sitt ġimgħat skola biex jibda jirkupra. Forsi fid-dagħdiha? Forsi jeżistu xi skużi li setgħu wasslu biex fil-mument l-argument eskala? Għalkemm nikkundannaw kull forma ta’ aggressjoni, forsi jista’ jkun li wħud jaċċettaw xi forma ta’ skuża simili. Iżda imbagħad, dawn l-istess persuni kif se jispjegaw l-aġir ta’ akkużat ta’ 16-il sena li joħodha qattgħa bla ħabel mal-pulizija u jisfidah bil-kliem “Niġi l-Għassa l-ost**… mhux se tarrestawni”? Ma mmorrux wisq ’il bogħod biex niftakru f’każ ieħor li seħħ fl-2018 meta l-kuntistabbli Simon Schembri spiċċa mkaxkar taħt karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena. Fix-xhieda tiegħu fil-qorti, Schembri kien qal li kien spiċċa jsofri wġigħ indeskrivibbli meta pprova jwaqqaf liż-żagħżugħ li kien qiegħed jikser ir-regoli tat-traffiku fost l-oħrajn minħabba li ma kienx liebes ċintorin tas-sigurtà.
Jgħidu li l-fsied iħassar l-ulied u nemmnu li għalkemm ma nistgħux naċċettaw ċertu miżuri ta’ kontroll li smajna dwarhom fil-passat, jeħtieġ li nissikkaw ftit il-ħabel tal-valuri li jistgħu jsawruna f’irġiel u nisa sodi li kapaċi niddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Mis-sema ‘l isfel kulħadd huwa espost għall-iżball, iżda żball ma jitpattiex b’ieħor. L-investiment fil-Korpi Dixxiplinati mhuwiex se jkun biżżejjed biex kulħadd iħossu sigur f’pajjiżna jekk mhux se nagħmlu analiżi mill-għeruq u qalb l-isfidi ta’ dinja moderna, naċċettaw li rridu nieħdu ċertu deċiżjonijiet għall-ġid ta’ wliedna.