F’nofs kunflitt li diġà ħalla eluf ta’ vittmi u xokk ekonomiku globali, Tehran iddikjara li mhuwiex lest li jinnegozja. Dan il-pajjiż attakkat b’mod konġunt mill-Istati Uniti u Iżrael qal ukoll li mhuwiex lest jagħmel taħditiet ta’ paċi jekk ma jkunux skont il-pakkett ta’ ħames punti ta’ kundizzjonijiet li għamel huwa stess.
Din l-aħbar ikkonfermat li filwaqt li l-Punent qiegħed jipprova jimbotta lejn xi forma ta’ waqfien mill-ġlied, l-Iran mhuwiex lest li se jaċċetta jew jilħaq kompromess għal dak li qiegħed jipproponi l-President Amerikan, Donald Trump.
Donald Trump mill-ewwel irritalja fejn hedded lill-Iran li “l-Istati Uniti se tpattihielkom jekk ma taċċettawx il-pjan ta’ paċi tagħna”. Filwaqt li rribatta li l-Iran tilef kull saħħa militari tiegħu, baqa’ jinsisti li, “l-Iran qiegħed jokrobli biex nagħmlu ftehim”, dikjarazzjoni kompletament miċħuda mill-Ministru tal-Afffarijiet Barranin Iranjan li b’ton kalm iżda deċiżiv qal li pajjiżu “mhuwiex lest li jinnegozja mal-Istati Uniti”. Fil-fatt, il-ġlied qalil għadu għaddej.
Il-pjan ta’ paċi tal-Iran:
Ftit punti imma jfissru ħafna
Il-pjan ta’ ħames punti li ppreżenta Tehran huwa dikjarazzjoni politika u strateġika. L-ewwel nett, jitlob tmiem immedjat tal-attakki u tal-operazzjonijiet militari, iżda dan jiġi akkumpanjat minn kundizzjoni li tmur ferm lil hinn minn waqfien temporanju. L-Iran irid garanziji konkreti li l-gwerra ma terġax tibda. F’termini reali dan ifisser li l-Iran qiegħed jitlob bidla fundamentali fl-approċċ militari tal-avversarji tiegħu.
It-tieni punt tal-pjan Iraqqin huwa kumpens għall-ħsarat. Dan għax Tehran qiegħed jisħaq li f’dan kollu huwa l-vittma u mhux l-agressur. Għaldaqstant qiegħed jisħaq li għandu d-dritt għall-ħlas. It-tielet element jestendi l-kunflitt lil hinn mill-fruntieri Iranjani. Dan jitlob tmiem tal-ġlied fuq kull front, inklużi dawk li jinvolvu alleati reġjonali bħall-Hezbollah.
Ir-raba’ punt jindirizza l-qalba tal-qawwa strateġika Iranjana li hija r-rikonoxximent internazzjonali tal-kontroll fuq l-Istrett ta’ Hormuz – arterja vitali għall-enerġija globali. Fl-aħħarnett, il-ħames punt li fih, il-paċi li tikkonsolida lill-Iran bħala forza dominanti fir-reġjun.
Dan kollu jispjega għaliex l-Iran qiegħed jisħaq li mhuwiex se jinnegozja bħalissa. Mhux għax ma jridx paċi imma, għax qiegħed jara dan bħala opportunità biex jiddefinixxiha huwa.
X’inhu jipproponi Trump
Il-viżjoni ta’ Donald Trump hija kważi l-oppost perfett. Fil-proposti għall-paċi fl-Iran insibu proposti ferm aktar estensivi. Min-naħa tagħha l-Istati Uniti mhiex timmira biss li jieqaf il-ġlied imma anke li jsir tibdil fundamentali fil-politika interna tal-Iran kif ukol fl-istrateġija mħaddna.
Il-pjan ta’ Trump jinkludi żarmar tal-programm nukleari, restrizzjonijiet fuq il-missili balistiċi u tnaqqis drastiku tal-influwenza Iranjana permezz tal-alleati tagħha fir-reġjun. Dan huwa approċċ li fil-verità ma jarax li jkun hemm bilanċ iżda kontroll. F’dan il-kuntest, il-kunflitt diplomatiku jsir inevitabbli: Washington jara sigurtà permezz ta’ limitazzjoni tal-Iran, mentri Tehran jara sopravivenza permezz ta’ espansjoni u rikonoxximent.
Iż-żewġ naħat qegħdin jitkellmu dwar l-istess mira – il-paċi imma, jidher diffiċli li tinkiseb hekk kif l-avversarji jridu affarijiet kompletament differenti.
Il-prezz qares ta’ din il-gwerra;
imwiet, ħsara infrastrutturali
u prezzijiet għolja taż-żejt
Filwaqt li din il-battalja diplomatika tkompli, il-prezz reali tal-Gwerra fl-Iran qiegħed jitħallas ta’ kuljum fuq tliet livelli distinti. L-ewwel u l-aktar immedjat huwa dak uman. Sfortunatament, bħal kull gwerra oħra, eluf ta’ fatalitajiet ġew irrapportati. Suldati u ċivili tilfu ħajjithom kemm fl-Iran, fil-Libanu u anke f’Iżrael. Dan barra għadd kbir ta’ persuni midruba u popolazzjonijiet spostati.
It-tieni livell huwa dak infrastrutturali fejn attakki fuq faċilitajiet militari u tal-enerġija, portijiet u ċentri kummerċjali qegħdin iħallu ħsara li se tieħu snin biex tissewwa. It-tielet konsegwenza qiegħda tinħass fuq livell globali – l-ekonomija. Kawża tal-instabbiltà fl-Istrett ta’ Ħormuż, waqaf il-fluss taż-żejt. Din is-sitwazzjoni qiegħda twassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija b’impatt dirett fuq familji u negozji madwar id-dinja kollha.
Din hija gwerra li m’għadhiex limitata għal ġeografija jew ideoloġija imma hija kriżi sistemika li qiegħda tinfirex minn kampijiet militari għal pompi tal-fjuwil. Minkejja dan kollu, l-aktar aspett li qiegħed iħasseb kemm lill-politiċi kif ukoll lill-popli ta’ madwar id-dinja, huwa li jidher li m’hemm ebda tmiem tal-ġlied fil-futur viċin.
L-Iran qiegħed jilgħab logħba fit-tul ibbażata fuq reżistenza u strateġija mentri l-Istati Uniti, taħt it-tmexxija imprevedibbli ta’ Donald Trump, qiegħda timbotta għal riżultat deċiżiv li jnaqqas jew jikkontrolla lill-avversarju. Bejn dawn iż-żewġ pożizzjonijiet, kull ċans ta’ kompromess jidher li se jisfuma fl-arja.

