Thursday, December 26, 2024

“Il-ftuħ tal-ħwienet mhux se jfisser l-għeluq tal-vit tal-għajnuna mill-Gvern”

Aqra wkoll

Stmat tnaqqis fl-attività ekonomika ta’ pajjiżna b’€630 miljun minħabba l-Covid-19; Il-Ministru Scicluna jisħaq li l-miżuri mnedija mill-Gvern se jibqgħu attivi anke wara li jerġgħu jinfetħu l-ħwienet”

Minn MATTHEW CHARLES ZAMMIT

Rapport ppubblikat mill-Gvern waqt laqgħa konġunta tal-Kunsill tal-Imsieħba Soċjali (MCESD) u l-MEUSAC saħaq kif l-attività ekonomika ta’ pajjiżna mistennija taqla’ daqqa ta’ €162 miljun għar-rendikont finanzjarju tal-2019, u madwar €630 miljun għas-sena 2020. 

Fi tweġiba għal mistoqsija ta’ Inewsmalta, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna saħaq li l-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern kienu kollha stmati finanzjarjament li jibqgħu attivi sal-aħħar tas-sena 2020. “Però ma jfissirx li għax sejrin niftħu lura s-setturi eventwalment, ikun wasal il-ħin li immedjatament nagħlqu l-vit tal-għajnuna. Ma rridux sitwazzjoni fejn lil numru ta’ ħwienet inħalluhom ta’ fuqhom senduqhom, b’tali mod li jippreferu jibqgħu bil-ħwienet magħluqin minflok ninċentivawhom biex jibqgħu miftuħin.”

“Biex inserrħu moħħ dawn il-ħwienet, irridu li dawn il-benefiċċji jibqgħu hemm biex jagħtu dik l-ispinta tant neċessarja. Meta eventwalment naslu għal-pass li nibdew nneħħu dawn il-benefiċċji bil-mod, dan isir, però il-kif u l-come hjia mistoqsija oħra.”

Id-dejn mistenni jiżdied b’€2 biljuni

Fir-rapport tiegħu, il-Ministru Scicluna saħaq li l-impatt ekonomiku tal-Covid-19 se jwassal għal nefqa ħafna ikbar mill-Gvern, kif ukoll nuqqas ta’ introjtu: dan kollu se jwassal biex il-Gvern, minn surplus fil-fond konsolidat ta’ 0.5% irreġistrat waqt l-2019, jaqa għal defiċit ta’ 7.5% waqt is-sena tal-2020, imbagħad surplus ieħor ta 3.6% fis-sena ta’ wara.

Id-dejn ta’ pajjiżna jistenna jikber b’€2 biljuni matul il-perjodu li ġej, bħala riżultat dirett ta’ dawn il-miżuri. Madanakollu, il-Gvern jinsab kunfidenti li wara it-tnaqqis ta’ 5.4% matul is-sena 2020, l-ekonomija Maltija sejra terġa’ tirpilja bi tkabbir ta’ 3.9% għas-sena ta’ wara. L-istess rankatura sejra tinħass ukoll fit-tkabbir tal-impjiegi (minn -3.3% fl-2020, għal 3.2% fl-2021), kif ukoll fl-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-prodotti f’pajjiżna.

“Pajjiżna mistenni jkun wieħed mill-ewwel li jirkupra”

Scicluna saħaq li l-premura tal-pajjiżi Ewropej “hija li jkun hemm Eurobond, għaliex jekk imorru fis-swieq privat għas-self, jew ma jsibux biex jissellfu, jew inkella jispiċċaw jiffaċċjaw rati esaġerati. Aħna ma nixtiqux li nkunu f’dik is-sitwazzjoni, u nemmnu li bil-pass għaqli li bih bħalissa miexi il-Gvern, sejrin nevitaw li naslu sa dak il-punt.”

Biex inserrħu moħħ dawn il-ħwienet, irridu li dawn il-benefiċċji jibqgħu hemm biex jagħtu dik l-ispinta tant neċessarja. Meta eventwalment naslu għal-pass li nibdew nneħħu dawn il-benefiċċji bil-mod, dan isir, però il-kif u l-come hjia mistoqsija oħra

Il-Ministru Edward Scicluna

Minkejja kollox, il-Ministru tal-Finanzi għamel referenza għall-istqarriji tal-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll ta’ aġenziji tal-kreditu bħal Moody’s, li sostnew kif l-istqarrijiet tagħhom “huma iktar pożittivi mill-previżjonijiet tagħna, għaliex għandhom fiduċja fina bħala Gvern: huma jafu li dan il-Gvern irnexxielu jdawwar it-traġitt ekonomiku Malti minn wieħed ta’ defiċit fl-2013 għal surplus konsistenti, u bħala ċertifikat ta’ kredibbilita, sostnet li pajjiżna ser ikun wieħed mill-pajjiżi li joħroġ bl-inqas ħsara ekonomika.”

Intant, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, saħaq li l-laqgħa konġunta bejn il-MEUSAC u l-MCESD kienet tirrifletti l-bżonn li bħala pajjiż, “l-organi differenti jingħaqdu flimkien u jaħdmu b’għan wieħed. Huwa importanti li l-ħidma tagħna tkun waħda konġunta u ħolistika, speċjalment dawn iċ-ċirkostanzi straodinarji li minnhom għaddej dan il-pajjiż.”

Abela saħaq ukoll fuq l-aħħar rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea rigward il-progress li qiegħed isir minn pajjizna fir-rigward tal-miżuri tal-iżvilupp sostneibbli: “Hemm punti li għad fadal x’nagħmlu biex nilħqu l-miri tagħna, però konvint li flimkien, bħal dejjem, naslu.”

Ekonomija

Sport