The President’s Solidarity Fun Run ġiet posposta għall-Ħadd 11 ta’ Diċembru minħabba l-maltemp li hu mbassar fuq il-Gżejjer Maltin nhar il-Ħadd li ġej.
L-Uffiċċju tal-President u The Malta Community Chest Fund ħadu din id-deċiżjoni fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tal-parteċipanti kollha.
Ir-reġistrazzjonijiet ta’ €10 se jkomplu jintlaqgħu mill-kunsilli lokali kollha, mill-kumplessi ta’ SportMalta f’Ħal Kirkop, fil-Kottonera u l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, The President’s Kitchen Garden, il-Palazz ta’ Sant’Anton u l-uffiċċji ta’ The Malta Community Chest Fund fil-Belt u fir-Rabat, Għawdex. Kull min jirreġistra se jirċievi t-shirt uffiċjali ta’ The President’s Solidarity Fun Run li se ssir b’mixja minn Raħal Ġdid, Santa Venera u Tal-Qroqq jew b’ġirja mir-Rabat sa Pjazza San Ġorġ, il-Belt.
It-tluq se jkun għall-ħabta tad-09.30am u bejn is-07:00am u d-08:45am se jkun hemm trasport bla ħlas minn fejn iż-żona tal-Biskuttin, il-Furjana, għall-erba’ lokalitajiet minn fejn se tibda l-mixja jew il-ġirja. Kull min se jkun liebes it-t-shirt uffiċjali, se jkun jista’ juża t-trasport pubbliku bla ħlas (anke mingħajr Tal-Linja card).