Wara battalji legali ta’ snin twal, il-fundatur ta’ Wikileaks, Julian Assange inħeles mill-ħabs fir-Renju Unit wara ftehim li laħaq mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti li jwieġeb ħati ta’ akkużi kriminali fosthom il-kxif ta’ informazzjoni sigrieta. Assange li llum għandu 52 sena ġie mixli b’konfoffa biex jikseb u jiżvela informazzjoni dwar id-difiża nazzjonali tal-Amerka.
Għal snin sħaħ, l-Istati Uniti argumentaw li l-fajls tal-Wikileaks, li żvelaw informazzjoni dwar il-gwerer tal-Iraq u l-Afganistan, ipperikolaw il-ħajjiet tan-nies.
Assange qatta’ l-aħħar ħames snin f’ħabs Brittaniku, minn fejn kien qed jiġġieled biex ma jkunx estradit lejn l-Istati Uniti.
Skont is-CBS, Assange mhux se jqatta’ ħin fil-kustodja tal-Istati Uniti u fil-fatt se jirritorna l-Awstralja, skont ittra mid-dipartiment tal-ġustizzja.
Fuq X, il-pjattaforma li qabel kienet magħrufa bħala Twitter, Wikileaks qal li Assange ħalla l-ħabs ta’ Belmarsh nhar it-Tnejn wara 1,901 jum f’ċella żgħira. Huwa ġie meħlus fl-ajruport ta’ Stansted wara nofsinhar, fejn tela’ fuq ajruplan u telaq mir-Renju Unit biex jirritorna l-Awstralja, żiedet l-istqarrija ta’ Wikileaks.
Il-ftehim – li fih jammeta l-ħtija ta’ akkuża waħda – mistenni jiġi ffinalizzat f’qorti fil-Gżejjer Marjani ta’ Fuq illum l-Erbgħa, 26 ta’ Ġunju. Il-gżejjer remoti tal-Paċifiku, Commonwealth tal-Istati Uniti, huma ħafna eqreb tal-Awstralja mill-qrati federali tal-Istati Uniti fil-Hawaii jew fl-Istati Uniti kontinentali.
L-avukat tiegħu, Richard Miller, irrifjuta li jikkummenta meta kkuntattjat minn CBS. Asssange innifsu u l-avukati tiegħu kienu ilhom isostnu li l-każ kontrih kien motivat politikament.
F’April, il-President Amerikan Joe Biden qal li kien qed jikkunsidra talba mill-Awstralja biex titneħħa l-prosekuzzjoni kontra Assange. Xahar wara, il-Qorti Għolja tar-Renju Unit iddeċidiet li Assange jista’ jressaq appell mill-ġdid kontra l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti, li jippermettilu jikkontesta l-assigurazzjonijiet tal-Istati Uniti dwar kif se jitmexxa l-proċess prospettiv kontra tiegħu u jekk id-dritt tiegħu għal-libertà tal-kelma hux se jinkiser.
Prosekuturi Amerikani oriġinarjament riedu jipproċedu kontra l-fundatur ta’ Wikileaks fuq 18-il akkuża, l-aktar taħt l-Att dwar l-Ispjunaġġ, dwar ir-rilaxx ta’ rekords militari kunfidenzjali tal-Istati Uniti u messaġġi diplomatiċi relatati mal-gwerer fl-Afganistan u l-Iraq.
Wikileaks, li Assange waqqaf fl-2006, ippubblika ‘l fuq minn 10 miljun dokument f’dak li l-gvern Amerikan aktar tard iddeskriva bħala “wieħed mill-akbar kompromessi ta’ informazzjoni klassifikata fl-istorja tal-Istati Uniti”.
Fl-2010, Wikilleaks xandret filmat minn ħelikopter militari Amerikan li wera aktar minn tużżana nies ċivili Iraqini, inklużi żewġ ġurnalisti tal-aħbarijiet ta’ Reuters, qed jinqatlu f’Baghdad.
Waħda mill-aktar kollaboraturi magħrufa ta’ Assange, Chelsea Manning, l-analista tal-intelligence tal-Armata tal-Istati Uniti, ġiet ikkundannata 35 sena ħabs qabel ma l-president ta’ dak iż-żmien Barack Obama biddel is-sentenza tagħha fl-2017.
Assange ffaċċja wkoll akkużi separati ta’ stupru u attakk sesswali fl-Isvezja, li huwa ċaħad. L-awtoritajiet Żvediżi waqqgħu l-każ fl-2019 u qalu li kien għadda wisq żmien mill-ilment oriġinali, iżda l-awtoritajiet tar-Renju Unit aktar tard żammewħ taħt arrest. Huwa ġie pproċessat talli ma ċediex li jiġi estradit lejn l-Isvezja.
Huwa qatta’ seba’ snin jieħu kenn fl-ambaxxata ta’ l-Ekwador f’Londra fejn sostna li l-każ Żvediż kien se jwassal biex jintbagħat l-Istati Uniti.
Anke fost battalji legali fit-tul, Assange rari deher fil-pubbliku u għal snin kien irrappurtat li sofra minn kundizzjonijiet ta’ saħħa inkluż puplesija żgħira waqt li kien fil-ħabs fl-2021.