Tuesday, December 31, 2024

Il-funeral statali ta’ Jimmy Carter se jsir fid-9 ta’ Jannar 

Aqra wkoll

Il-funeral statali tal-eks President Amerikan Jimmy Carter se jsir nhar id-9 ta’ Jannar fil-Katidral Nazzjonali ta’ Washington, bħala parti minn jum ta’ luttu nazzjonali.

Walter Mondale, li kien serva bħala l-Viċi President ta’ Carter, kien mistenni li jagħmel diskors fuq dak li kien l-imgħallem tiegħu, iżda ħalla din id-dinja fl-2021. Skont ma ġie rrapportat, dan l-istess diskors se jkun qiegħed jagħmlu iben Mondale waqt il-funeral. 

Fis-sigħat li għaddew, ingħataw aktar dettalji dwar kif dan il-pajjiż se jkun qiegħed jagħti l-aħħar tislima lil Carter li miet fir-residenza tiegħu fi Plains, Georgia. Qabel issir id-difna fi Plains, se jkunu qed isiru ċerimonji pubbliċi f’Atlanta u Georgia.

Il-President Joe Biden ordna li l-bnadar Amerikani fuq proprjetajiet federali jittajru mezz’asta għal 30 jum. Dan il-perjodu se jibqa’ għaddej anke waqt l-inawgurazzjoni tal-President-elett Donald Trump. 

Matul il-jum tal-Ħadd, Biden ta direzzjoni lid-Dipartiment tal-Istat sabex jibda bit-tħejjijiet għall-funeral statali ta’ Carter f’Washington. Skont ma hi t-tradizzjoni, dan il-funeral se jinkludi udjenza pubblika fil-Capitol tal-Istati Uniti, fejn in-nies se jkunu jistgħu jagħtuh l-aħħar tislima tagħhom.

Carter se jindifen fil-proprjetà ta’ familtu, biswit martu Rosalynn, li mietet f’Novembru tal-2023 fl-età ta’ 96 sena.

Sadanittant, fi stqarrija, Joe Biden iddeskriva lil Carter bħala bniedem umli ta’ Alla u tan-nies. Min-naħa tiegħu, Donald Trump qal li filwaqt li hu u Carter ma kinux jaqblu filosofikament, huwa kien “raġel twajjeb” u kellu rispett kbir lejh.

Mexxejja oħra Amerikani fosthom l-eks Presidenti Bill Clinton u George W. Bush ħarġu wkoll stqarrijiet fejn faħħru dak kollu li għamel Carter f’ħajtu. 

L-eks President Barack Obama qal li Carter “għallimna lkoll xi tfisser li ngħixu ħajja ta’ grazzja, dinjità, ġustizzja u servizz.”

Carter kien serva bħala President tal-Istati Uniti bejn l-1977 u l-1981. Matul iż-żmien tiegħu fil-White House, huwa ddefenda kawżi għall-paċi globali, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem filwaqt li kiseb il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2002.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport