Il-funeral mill-Istat tal-Professur Oliver Friggieri se jsir nhar l-Erbgħa li ġej, 25 ta’ Novembru. Il-quddiesa praesente cadavere se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-2.00 p.m. u se tkun ikkonċelebrata mill-Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.
Kif tħabbar mill-Gvern il-Ħadd li għadda, il-funeral tal-Prof. Friggieri, patrijott u wieħed mill-awturi l-iktar rispettati tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin, qed jiġi organizzat mill-Istat Malti b’rikonoxximent għall-kontribut straordinarju li ta lil pajjiżna u lil niesu tul il-karriera tiegħu. Ix-xogħlijiet tiegħu tradotti f’bosta lingwi f’pajjiżi barranin għamlu isem lil Malta madwar id-dinja u taw lil pajjiżna l-kredenzjali ta’ nazzjon.
Il-Gvern iddeċieda wkoll li għada l-Erbgħa jiġi mmarkat bħala jum ta’ luttu. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kiteb uffiċjalment lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u Kapijiet tal-Entitajiet Pubbliċi biex għada l-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi jittajru mezz’asta.
Il-korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45 p.m. lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti fejn serva wkoll bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura. Hawnhekk se jingħata tislima xierqa mill-Università.
Minn hemmhekk il-korteo funebri jipproċedi għal quddiem ir-residenza privata tiegħu fi Fleur-de-Lys, u għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Floriana, raħal twelid il-Prof. Friggieri fejn se tingħatalu tislima mill-Kunsill Lokali tal-Floriana u mill-Kleru tal-Parroċċa ta’ San Publiju. Wara l-korteo funebri jipproċedi lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Fi tmiem il-quddiesa, il-funeral ikompli f’forma strettament privata.
Il-pubbliku huwa mgħarraf li minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann se jitħallew jidħlu biss dawk li se jirċievu l-istedina uffiċjali.
Il-quddiesa praesente cadavre se tixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali TVM u fuq maltagov, il-paġna uffiċjali tal-Gvern fuq Facebook.