Il-Kardinali dalgħodu bdew jiltaqgħu fil-Vatikan fejn kellhom jiddeċiedu data għall-funeral tal-Papa Franġisku, li miet nhar it-Tnejn, ta’ 88 sena. Kontra dak li kien maħsub, stqarrija li nħarġet mill-Vatikan, qalet li l-Papa miet kaġun ta’ puplesija u insuffiċjenza irriversibbli tal-qalb. Intant fl-aħħar ħin tħabbar li huwa se jingħata l-aħħar tislima nhar is-Sibt fl-10:00 a.m.
Il-mewt ta’ Papa Franġisku qanqlet niket fost il-Kattoliċi minn madwar ħames kontinenti. Mis-Sudan t’Isfel sal-Arġentina, mill-Polonja sal-Filippini, issa tat bidu għall-proċess politiku biex il-Knisja Kattolika tagħżel mexxej ġdid fil-ġimgħat li ġejjin.
Fl-aħħar testment tiegħu, il-Papa Franġisku esprima x-xewqa li wara mewtu jiġi midfun fil-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maġġura f’Ruma.
Huwa kien stqarr ix-xewqa tiegħu li l-aħħar vjaġġ tiegħu fuq din l-art jintemm preċiżament f’dan is-santwarju Marjan antik, fejn kien dejjem jieqaf biex jitlob fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull Vjaġġ Appostoliku li kien jagħmel.