Friday, December 27, 2024

IL-FURJANA ssellem lill-Furjaniż li 66 sena ilu waqqaf fl-Awstralja tim tal-futbol ‘tal-Maltin’

Aqra wkoll

Wieħed mill-bosta Maltin li f’nofs is-Snin Ħamsin tas-seklu li għadda emigraw lejn l-Awstralja biex ifittxu ħajja aħjar f’dak il-kontinent, kien hemm iż-żagħżugħ Furjaniż Henry (magħruf aktar bħala Harry) William Moakes. F’dan il-pajjiż Moakes kien storja ta’ suċċess tant li ngħata rikonoxximenti mill-awtoritajiet Awstraljani.

Moakes, li miet ftit ġimgħat ilu ftit qabel ma għalaq 92 sena, jibqa’ msemmi fost l-oħrajn għaliex 66 sena ilu waqqaf wieħed mit-timijiet tal-futbol hekk imsejħa ‘tal-Maltin’ għalkemm miż-żmien issieħbu miegħu persuni ġejjin minn pajjiżi oħra wkoll. Il-klabb, li llum hu magħruf bħala Green Gully SC, oriġinarjament kieni msemmi għall-magħrufa Ajax tal-Furjana.

Tagħrif u ritratti dwar Moakes kienu ppubblikati f’wieħed mill-artikli ewlenin li fiha l-ħarġa ta’ Settembru tal-gazzetta Furjaniża. ‘IL-FURJANA’.

Il-ħarġa tinkludi wkoll feature speċjali mifrux fuq sitt faċċati dwar il-ġrajja avventuruża ta’ ajruplan tal-gwerra Ingliż, li wara li kien involut f’missjonijiet tal-ġlied fl-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll fl-invażjoni ta’ Sqallija, kien spiċċa fuq is-Sur ta’ San Luqa – magħruf aktar bħala s-Sur tal-iScouts għax fuqu hemm il-HQ ta’ dan il-moviment – fil-Furjana.

Il-feature, li hu akkumpanjat b’numru sabiħ ta’ ritratti tal-epoka msemmija, jinkludi wkoll artikolett miktub minn Frederick R. Galea, li barra li hu speċjalista ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kien wieħed minn dawk li ħadmu biex l-istess ajruplan reġa’ nbena prattikament mill-ġdid u jinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Avjazzjoni f’Ta’ Qali.

L-istess ħarġa mbagħad fiha wkoll artiklu tal-akkademiku Dr Andrè DeBattista dwar il-lokalità tal-Furjana fl-isfond tal-ġrajjiet kostituzzjonali li seħħew f’pajjiżna 100 sena ilu (fl-1921).

Dr DeBattista, li hu ta’ demm Furjaniż, fl-artiklu tiegħu jagħti ħarsa partikolari lejn dak li ġara fil-Furjana f’dawk iż-żminijiet, li kienu rifless jew tkomplija tal-iżviluppi ewlenin li ġraw ftit bogħod minn din il-lokalità, fil-belt kapitali ta’ pajjiżna.

F’din it-tielet ħarġa ta’ ‘IL-FURJANA’ għal din is-sena, wieħed isib ukoll tagħrif dwar Floriana Ajax SC li għat-tielet darba fl-istorja tagħhom, saru Champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-IASC għall-istaġun 2020-21; tislima lill-Professur Edward de Bono li kien twieled il-Furjana; dwar kif il-Floriana Senior Citizens baqgħet f’kuntatt mal-anzjani Furjaniżi waqt il-pandemija tal-COVID-19; u l-lista tal-ippremjati mill-Kunsill Lokali fl-okkażjoni ta’ Jum il-Floriana 2021.

Ekonomija

Sport