Tuesday, June 10, 2025

‘Il-futbol bħal ħajja, xi drabi tirbaħ u oħrajn titlef … l-importanti li tħares ‘il quddiem u ma tħares lura qatt’ – Liam Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet sa minn meta kont żgħir ħafna, konna nsegwu l-futbol fuq it-television, partikolarment it-tim ta’ Arsenal. Ta’ ħames snin imbagħad kont bdejt nitħarreġ ma’ club tal-futbol, bl-ewwel sessjoni ta’ taħriġ kienet ma’ Mtarfa FC, proprju fis-sena li twaqqaf il-club. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Dingli Swallows FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Dingli Swallows dan l-istaġun, meta tqis kollox kienet waħda pożittiva. Kont ilni ftit iktar minn sentejn wieqaf mill-futbol kompetittiv, u grazzi għal fiduċja tal-kowċ Nicolai Caruana, erġajt bdejt nilgħab propju ma’ Dingli Swallows. Fl-ewwel parti tal-istaġun kont erġajt qed nsib il-forma, iżda sofrejt injury f’nofs l-istaġun li kien jirrikjedi li nagħmel xi żmien barra mill-azzjoni, li waqqaf xi ftit il-progress tiegħi. Minkejja dan, nista’ ngħid li dan l-istaġun fejn irritornajt għal-logħob kompettitiv, rajt li erġajt bdejt nieħu pjacir nilgħab il-futbol. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Bħala tim ‘overall’, konna kompettitivi matul l-istaġun u konna ftit punti ‘il bogħod li nagħmluha mal-aħħar erba’, tragward li ma lħaqnix għal ftit. Bħala skwadra kienet waħda żagħzugħa b’taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza u dawk aktar żgħażagħ. It-tim kien maqgħud grazzi għal ħidma tal-kumitat u tal-coaching staff, li raw kif dejjem se jżommu l-atmosfera ħajja, anke wara d-disfatti. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol Malti qed jogħla u qed ikunu hawn aktar plejers ta’ kwalitá li jilagħbu f’kull livell tal-futbol Malti. Minkejja dan, xorta waħda nħoss li jrid isir sforz kollettiv biex tkun introdotta filosofija jew strateġija nazzjonali, li tħares lejn l-istil tal-futbol f’Malta, fil-livelli ta’ grassroots, li finalment twassal biex tagħti identita’ lit-tim nazzjonali Malti. Din il-filosofija għandha tħares lejn il-karattersitiċi tal-plejers Maltin u tipprova toħroġ l-aħjar tagħhom partikolarment fil-livell tekniku u tattiku tal-logħba. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds f’Malta raw titjib sostanzjali fl-aħħar snin, fejn kull grawnd qed ikun attrezat u miżmum f’kundizzjonij tajba biżejjed li jintlagħab l-logħob kompettitiv fih. Minkejja dan, dejjem hemm x’wieħed jista’ jiżviluppa aħjar partikolarment id-disponibbiltá ta’ riżorsi bħall-gyms u grawnds ‘indoor’, li jgħinu fl-iżvilupp fiżiku u tekniku tal-plejers Maltin. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għalkemm bħalissa il-futur tiegħi hu wieħed inċert, nixtieq li nkompli nibni fuq il-progress li għamilt fl-aħħar sena li erġajt irritornajt, fejn ninsab miftuħ għall-opportunitajiet ġodda fi proġett ta’ tim kompettitiv.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Sfortunatament f’Malta il-futbol jaf ikun diffiċli għal ħafna żgħażagħ li jkomplu jilagħbu b’mod kompettitiv partikolarment wara li jaqbżu l-livell tal-‘minors’. Minkejja dan, wieħed għandu juża’ d-disfatti li jgħaddi minnhom bħala motivazzjoni għall-esperjenzi tal-futur. Wara kollox, il-futbol bħal ħajja, xi drabi tirbaħ u oħrajn titlef. L-importanti li tħares ‘il quddiem u ma tħares lura qatt!  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport