Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol kien il-ħolma tiegħi minn tfuliti, l-ewwel nett minħabba li missieri wkoll kien plejer tal-futbol ta’ ċertu livell u dejjem kien joħodni għal-logħob fil-villaġġVllaznia – Shkoder, li huwa wieħed mit-timijiet fil-quċċata bi tradizzjonijiet u suċċessi fil-futbol Albaniż, u t-tieni nett għax minn dejjem ħassejt din il-ġibda għal dan l-isport li kien jagħmilni kuntent b’dak kollu li jinvolvi. Motivazzjoni oħra kienet il-fatt li t-tim fil-villaġġ tiegħi minn dejjem kien jipproduċi plejers mill-aqwa li libsu l-flokk tat-tim nazzjonali u kienu l-eroj tagħna.
Iddeskrivi l esperjenza passata tieghek bhala plejer.
L-esperjenza tiegħi bdiet minn kmieni ħafna, u meta kelli 17-il sena kont diġà qed nilgħab mas-senior team u kont parti mit-tim nazzjonali tal-Albanija. Lgħabt għal erba’ snin mat-timShkoder u għal sena ma’ 17 Nentori, wieħed mill-aqwa timijiet fil-belt Kapitali Tirana. Eventwalment ġejt nittanta xortija hawnhekk f’Malta ma’ timijiet kbar bħalma huma Valletta FC, Ħamrun Spartans, Hibernians u Pieta Hotspurs, fost oħrajn. Għalkemm l-esperjenza f’Malta ma kinitx mistennija li ser ittawwal, xorta spiċċajt nilgħab il-karriera tiegħi hawnhekk u eventwalment spiċċajt kowċ f’kull livell għal 18-il sena.
Kemm hu differenti r-rwol ta plejer minn dak ta’ kowċ?
Dawn ir-rwoli fl-opinjoni tiegħi huma differenti f’ħafna aspetti. Filwaqt li bħala plejer inti parti minn grupp li qed jaħdem flimkien għal għan wieħed, u kulħadd huwa responsabbli għas-suċċess, ir-rwol ta’ kowċ huwa aktar responsabbiltà personali, u f’ħafna mill-każijiet wieħed li jaħti meta xi ħaġa tmur ħażina u l-għanijiet ma ġewx milħuqa. Nemmen bis-sħiħ li l-kowċ huwa fattur importanti meta naslu biex niddeterminaw u nirriflettu karattru, attitudni, u biex jagħti identità lit-tim biex flimkien b’mod organizzat u finanzjat ikollna r-riċetta tas-suċċess.
Kelli l-opportunità li nkun kemm plejer u anke kowċ fl-aħħar tal-karriera tiegħi, meta kont nilgħab ma’ Naxxar Lions FC imma ma kinitx xi ħaġa faċli li nagħmel…u bid-domandi tal-futbol modern, dan kien impossibbli.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bhala kowċ ta’ Luqa SA.
Meta kont ġejt avviċinat minn Luqa St Andrews FC fis-sajf tas-sena 2020, ma kontx ċert jekk kinitx idea tajba tikkunsidra li t-tim kellu perjodu twal f’pożizzjoni lejn l-aħħar fit-tieni diviżjoni bla ebda sinjal pożittiv għal snin twal. Imma meta kont iltqajt mal-President is-Sur Evan Camilleri u ma’ grupp ta’ nies li jissapportjaw lill-kumitat u rajt ix-xewqa tagħhom li jbiddlu l-affarijiet, bdejt nemmen li verament nistgħu nagħmlu xi ħaġa differenti u speċjali flimkien.
Minkejja li kienet is-sena tal-Covid u b’ħafna diffikultajiet, il-lig tagħna kien l-unika wieħed li lagħab il-logħob kollu minkejja kollox u b’baġit moderat għall-aħħar ktibna l-istorja wara li l-klabb kien ilu sejjer ħażin għal numru ta’ snin.
Is-sena ta’ wara ċ-Challenge League, il-klabb ħaseb li l-mirakli jistgħu jiġru kull staġun u ddeċieda li jibqa’ bl-istess grupp ta’ plejers b’livell li kien ilu ma jkun hekk is-snin, li kien żball kbir li ġabu wkoll plejers barranin. Dak l-istaġun kien tassew diżappuntanti. Wara kellna staġun li wieħed jibqa’ jiftakar u li kien ġie stabbilit li Luqa St Andrews FC huwa tim li wieħed jeħtieġ li jirrikonoxxi.
Ir-raba’ staġun inħoss li kien l-aktar wieħed sfortunat…għalkemm konna tim tajjeb u konna preparati iżda ma lħaqniex l-għanijiet tagħna. Spiċċa b’mod diżappuntanti ħafna. Minn hemmhekk fhimt li wasal il-mument tal-bidla u ddeċidejt li nfittex esperjenzi ġodda, inġorr miegħi esperjenza mill-isbaħ billi nibni era ġdida għal dan il-klabb.
U dik preżenti ma St George’s.
Qabel niddiskuti l-esperjenza preżenti ma’ St Georges FC nixtieq insemmi li matul il-karriera tal-kowċing għal 18-il sena, qatt ma ħdimt ma’ tim li hu finanzjarjament b’saħħtu u li seta’ jagħmilli xogħli aktar faċli. Minkejja dan, dejjem irnexxieli nikseb suċċess billi bbażajt fuq ħidma, organizzazzjoni, dedikazzjoni u reżiljenza. Dawn il-prinċipji għamlu ħajti aktar faċli meta kont plejer, u li mbagħad ħaddimthom mal-plejers.
Bl-eċċezzjoni meta kont ma’ Hibernians FC, klabb stabbilit u bi storja glorjuża fil-futbol Malti, u bħala kowċ tal-U19, fejn fi tliet snin irbaħna żewġ kampjonati u knockout, u fejn kont qed nieħu ħsieb għall-ewwel xhur lis-senior team fil-bidu tal-istaġun 2008-9 u mbagħad bħala assistant kowċ, dejjem irnexxieli mmexxi t-timijiet bbażati fuq il-filosofija tiegħi li nagħti ċans lill-plejers żgħar, bħal Pietà, San Ġwann, Melita, u aktar tims li kienu fi stat ħażin bħal Luqa, u bħalissa St George’s. Allura ngħid li l-isfidi dejjem kienu fattur li jmexxini ’l quddiem.
Dan huwa l-każ ma’ St Georges FC li rajtu bħala sfida, imma emmint li klabb bħal dan b’din l-esperjenza, storja, u b’mod speċjali d-dedikazzjoni u l-lealtà tagħhom kien jixraqlu aħjar.
Għall-ewwel xhur ma kinitx faċli, imma eventwalment stabilixxejt il-filosofija tiegħi u l-mod kif naħdem u l-affarijiet bdew jitjiebu immensament, u issa ninsabu fit-triq it-tajba biex niġġieldu għall-għanijiet tagħna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Kif semmejt diġà, l-intenzjonijiet tiegħi dejjem huma li noħroġ l-aħjar tal-plejers matul it-taħriġ, u jekk nilħaq dan nemmen li nista’ ngħaddi għal għanijiet u objettivi akbar. Il-promozzjoni hija l-għan aħħari tagħna mhux biss għax qed naħdmu ħafna imma wkoll għax nemmen li t-tim tagħna jixraqlu dan wara dak li wrejna sa issa.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel matul is-snin?
Li ilni involut għal dawn l-aħħar 30 sena, fl-opinjoni tiegħi, il-futbol Malti għamel passi ta’ ġgant fejn tidħol organizzazzjoni, faċilitajiet u nfiq. Speċjalment ċertu klabbs jidhru li għandhom l-intenzjoni li jmorru semi jew b’mod professjonali kif jagħmlu l-affarijiet, imma dan mhux biżżejjed jekk mhux imsaħħaħ mill-MFA biex tittieħed bis-serjetà l-istandard ta’ kif jitmexxa klabb, mill-akkademji sal-inqas livell tas-seniors.
U l-livell tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Bħalma ktibt qabel, dan l-aħħar ħafna mill-faċilitajiet tjiebu imma mhux f’kull aspett. Għalkemm forsi jkollok piċċ ġdid, li huwa importanti, iżda mbagħad jaf ikollok ilma kiesaħ fiċ-changing rooms. Apparti minn hekk ċertu logħob ma jsirux fil-ħin it-tajjeb jew plejers iridu jistennew sal-aħħar mument biex isiru jafu l-fixtures…donnu jiġi minsi li kemm il-kowċis u anke l-plejers għandhom ħajja wkoll u jridu jippjanaw.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab u jagħmel suċċess fil-karriera tal-futbol.
Il-futbol, bħal kull sport ieħor huwa stil ta’ ħajja. Issir taf lin-nies, tesperjenza emozzjonijiet li jtejbu l-kwalità ta’ ħajtek u jagħmluha aħjar…imma l-affarijiet is-sbieħ fil-ħajja ma jiġux faċli. Trid id-dedikazzjoni, is-sagrifiċċju u wkoll id-determinazzjoni li se tagħmel suċċess. Meta jkollok dan kollu, l-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet isiru pożittivi u li mhux faċli jintesew. Għalhekk tajjeb li wieħed jipprova.