Tuesday, July 22, 2025

‘Il-futbol għalija mhux biss logħba imma stil ta’ ħajja’ – Jeremy Delmar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta  bdejt insegwi lil Manchester United jilagħbu flimkien ma’ missieri. X’ħin ommi u missieri raw l-passjoni u l-entużjażmu jikber fija logħba wara l-oħra, darba fost l-oħrajn, huma staqsewni nixtieqx nibda nipprattika l-futbol, u jiena urejthom ix-xewqa minnufih. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Gudja United FC.

Is-sena l-oħra ma kienx staġun faċli għalija minn aspett personali. Biss peró, id-dedikazzjoni, id-dixxiplina u r-reżiljenza tiegħi għenuni bis-sħiħ sabiex meta ġieni ċ-ċans ħadtu filwaqt li dejjem tajt il-mija fil-mija tiegħi kull meta lgħabt. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kien mimli sfidi u ostakli li baqħhu jitfaċċaw tul l-istaġun kollu. Peró, aħna bħala tim urejna unitá sabiex naffaċċjawhom f’daqqa. Ovvjament mhux dejjem irnexxilna nġibu r-riżultati li xtaqna u  avolja aħna mill-bidu ġejna ttimbrati li konna se nkunu wieħed miż-żewġ timijiet li kienu se jiġu relegati, ma dħalniex mat-Top 8 għall-punt wieħed biss.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Orosco Anonam?

Il-kowċ Orosco Anonam huwa persuna ta’ dedikazzjoni u serjetà kbira. Bil-metodi u istruzzjonijiet tiegħu jgħin lil kull plejer joħroġ il-potenzjal kollu. Bla dubju illi l-esperjenza tiegħu kienet parti strumentali għalfejn aħna lħaqna l-għan tagħna li nżommu postna fiċ-Challenge League, l-istaġun li għadda.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Dr Duncan Borg Myatt?

Il-kumitat immexxi mill-president Dr Duncan Borg Myatt għamel ħiltu kollha sabiex provdielna s-sapport li kellna bżonn matul l-istaġun li għadda. Bħala plejers għandna napprezzaw bis-sħiħ ix-xogħol li jagħmlu dawn in-nies minn wara l-kwinti. 

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Jien inħoss li l-livell tal-futbol lokali qiegħed jeleva ruħu sena wara l-oħra … biss peró meta mbagħad tikkumparah ma’ pajjizi li huma tal-livell tagħna xorta nħoss illi għadna lura. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-kundizzjonijiet tal-grawnds lokali tjiebu peró xorta waħda fl-opinjoni tiegħi nemmen li jridu jsiru iżjed ‘risk assessments’ u iżjed xogħol ta’ manutenzjoni b’mod regolari sabiex kemm jista’ jkun intejbu l-kundizzjonijiet tal-grawnds sabiex nipprevjenu l-injuries.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien bħalissa iffukat sabiex inħejji ruħi bl-aħjar mod possibli għall-istaġun li ġej ma’ Gudja United  FC fejn nixtieq li nilħaq kemm tragwardi personali u anke bħala tim. Ovvjament ‘il quddiem naspira li nerġa’ nilgħab fl-ogħla livell tal-futbol Malti. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol għalija mhux biss logħba imma stil ta’ ħajja. Jekk tassew trid tagħmel karriera f’dan l-isport, trid tkun dedikat, dixxiplinat u reziljenti. 

It-triq mhux dejjem se tkun faċli, peró kull ġurnata ta’ taħriġ, kull rebha u specjalment kull telfa, se tgħallmek xi ħaġa li tista’ tagħmlek aħjar – kemm dik bħala plejer u anke bħala persuna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport