L-14-il edizzjoni tas-serata tal-unuri tas-settur volontarju, organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju reġgħet tat rikonoxximent xieraq lil dawk il-persuni u għaqdiet li, b’ħidma volontarja kontinwa, jagħmlu differenza reali fis-soċjetà Maltija. Fost il-mumenti l-aktar sinjifikanti taċ-ċerimonja kien hemm l-għoti tal-premju Voluntier tas-Sena lil Mario Darmanin, għad-dedikazzjoni u l-impenn tiegħu lejn il-Malta Frame Football Association. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Darmanin wara dan l-unur li rebaħ.
Għal Darmanin, dan il-premju ma jfissirx biss suċċess personali, iżda sodisfazzjon kollettiv. “L-akbar sodisfazzjon għalija hu li nara l-grupp ta’ tfal li mmexxu aħna jħossuhom fuq l-istess livell ma’ tfal oħra,” jgħid b’emozzjoni. “Il-fatt li, minkejja l-problemi ta’ mobilità, jistgħu jilagħbu u jitħarrġu daqs kull tifel u tifla oħra, għalija jfisser kollox.”
Il-frame football hu sport fejn jintużaw game frames imfassla apposta, li jippermettu lil tfal b’kundizzjonijiet rari u kundizzjonijiet bħal cerebral palsy jew spina bifida jipparteċipaw fil-futbol.
“Intelletwalment dawn it-tfal huma tajbin ħafna,” jispjega Darmanin. “Dak li jonqoshom hu mezz li jista’ jgħinhom fil-mobilita’. Il-frame jagħtihom dik il-possibbiltà.”
Meta jitkellem dwar il-volontarjat illum, Darmanin juri ċertu tħassib. Skontu, minkejja li f’Malta hawn ħafna għaqdiet volontarji li qed jagħmlu ħafna xogħol siewi, sfortunatament in-numru ta’ voluntiera qiegħed dejjem jonqos. “Is-soċjetà tal-lum hi mimlija impenji. Il-volontarjat jitlob impenn serju, u trid tkun lest li tpoġġi l-interessi personali tiegħek fl-aħħar post,” jgħid. “Din il-mentalità qed issir dejjem aktar rari.”
Minkejja kollox, il-kunċett ta’ Malta Frame Football m’oriġinax minnu direttament, iżda mill-president u fundatriċi tal-għaqda, Rita Darmanin Carbonaro, li hija wkoll martu. Rita, li hija fiżjoterapista, kellha dejjem għal qalbha s-settur tad-diżabilità, anke bħala parti mill-istudji tagħha. “Permezz ta’ kuntatt ma’ kowċ mill-Ingilterra, feġġet l-idea tal-frame football. Huma kienu sabu mod kif joħolqu opportunità għal tfal li qabel qatt ma ngħataw ċans jilagħbu futbol,” jispjega Darmanin.
L-idea laqtet mill-ewwel lil Rita, li rat il-potenzjal li tintroduċi l-frame football f’Malta. Maż-żmien, twaqqfet għaqda bi struttura ċara: Kumitat magħmul minn Mario Darmanin bħala Segretarju, Rita Darmanin Carbonaro bħala President, Joe Carbonaro u Raymond Romano. Illum, Malta Frame Football Association ilha għaxar snin attiva, b’komunità ta’ madwar 14-il familja, bi tfal ta’ etajiet bejn il-ħames u s-sitt snin sa 16-il sena u 17-il sena ‘l fuq. “Għandna tfal li bdew ta’ sitt snin u llum huma teenagers u għadhom magħna ,” jgħid bi kburija.

