Sunday, December 29, 2024

Il-futbol huwa parti kbira min ħajti u għenni nikber fil-persuna li jien – Zachary Cassar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il futbol?

Minn ta’ etá żgħira niftakarni nsegwi il-futbol fuq it-televixin u fil-fatt bdejt nilgħab il-futbol ta’ sitt snin. Tista’ tgħid li l-futbol qiegħed fil-familja hekk kif in-nannu, missieri, ħija u jien kollha lgħabna l-futbol. Minn kemm għandi memorja dejjem nafni nilgħab bil- ballun ma’ ħija. Aktar ma bdejt nikber fil-logħba dejjem aktar bdejt inħobb din il-logħba tal-futbol u llum il-ġurnata nista’ ngħid li l-futbol huwa parti kbira min ħajti u għenni nikber fil-persuna li jien.

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek ma’ Birkirkara, Senglea Athletic, Gudja U., Floriana, u Gżira U.

Nista’ ngħid li ma’ kull klabb tgħallimt xi ħaġa ġdida u kienet esperjenza li tgħallimt minnha. Birkirkara kien il-klabb li lestejt is-settur ġovanili, imbagħad kien il-klabb ta’ Senglea li tani l-ewwel fiduċja biex nilgħab fl-ogħla diviżjoni f’żewġ staġuni differenti. Mal-klabb ta’ Senglea u Gudja kienu esperjenzi fejn kellhom objettivi li jkun li tiġġieled man-nofs tal-klassifika u għalhekk f’ħafna mil-logħob tkun l-‘underdog’. Fil-fatt sfortunatament fit-tieni stagun ma’ Senglea konna relegati, biss kien staġun li xorta waħda tgħallimt ħafna minnu. Ma’ Floriana u Gżira huma klabbs li l-objettivi tagħhom ikunu aktar għoljin, jiġifieri dak li tikkompeti għall-unuri u għall-post fl-Ewropa. Ma’ Floriana għaddejt minn perjodi pożittivi fosthom ir-rebħ tal-FA Trophy kif ukoll mumenti kemmxejn diffiċli fejn ma stajtx insib posti wara injury li kienet tinvolvi operazzjoni. Biss minn mumenti diffiċli titgħallem aspetti oħra u għalhekk minn dik is-sitwazzjoni xorta ħadt li stajt. Ma’ Gżira kienet esperjenza qasira, fejn erġajt sibt ħin biex nilgħab, li kien perjodu diffiċli għall-klabb, biss flimkien esperjenzajna mumenti sbieħ, fejn għamilna perjodu pożittiv ta’ rebħiet konsekuttivi, wasalna sas-semi-finali tal-FA Trophy u rnexxielna nilħqu t-tragward tal-klabb għal dak l-istaġun.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta FC, din id-darba fiċ-Challenge League?

Bħala plejer Malti, huwa unur li tilbes il-flokk ta’ Valletta FC, għall-glorja u l-istorja li għandu l-klabb. Magħha l-arma ta’ Valletta FC iġġib ċerti aspettattivi li wieħed għandu jkun lest għalihom. Żgur mhux forsi, mhux se jkun staġun faċli, għall-fatt li meta qed tilgħab kontra Valletta, dejjem se ssib oppożizzjoni iktar bi grinta u aktar aggressiva għax kontra Valletta. Għalhekk, definittivament irridu nkunu skwadra lesta, kompetittiva u umli għal dak li se nkunu qed naffaċċjaw matul l-istaġun li ġej. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Minn aspett ta’ plejer inħoss li l-kompetizzjoni qed tiżdied għar-raġuni li anke bin- numru ta’ plejers barranin, plejer qed ikollu aktar kompetizzjoni. Il-livell ta’ kampjonat nemmen li għad m’hemmx konsistenza fil-livell ta’ logħob milgħub. Għall-fatt li jkun hemm partiti li l-livell tal-logħba ikun għoli fl-intensitá u kwalitá u jkun hemm partiti oħra li l-livelli ikunu inqas.

Qed isir tibdil kontinwu bl-għan primarju li l-livell tal-futbol Malti ikompli jiżdied. Nemmen li matul il-karriera tiegħi fil-futbol rajt avvanz fil-livell ta’ klabbs, fejn jidħlu faċilitajiet użati, taħriġ eċċ, u dawn l-affarijiet qed juru f’ċerti partiti li jintlagħbu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Ghalkemm se nibda s-seba’ stagun tiegħi f’livell ta’ ‘seniors’, nemmen li fadalli ħafna x’naqdef biex ngħid li kelli karriera ta’ suċċess fil-futbol. Biss bħal kulħadd kont tifel b’xewqa u għan u fortunatament sa issa rnexxieli nilgħab ‘il fuq minn 100 logħba kompetittiva u nirbaħ FA Trophy. Il-messaġġ tiegħi huwa li ftit huma dawk li sabu t-triq għas-suċċess faċli. Kull tifel / tifla mhux biss għall-futbol, iridu jaħdmu biex jaslu fejn jixtiequ. M’għandkom qatt taqtgħu qalbkom anke jekk l-affarijiet isiru diffiċli.

Jekk titkellmu ma’ plejers ta’ suċċess, nista’ niggarantixxi li kollha kemm huma għaddew minn episodji fejn riedu jieqfu mill-futbol jew jiddubitaw minnhom infushom iżda ma qatgħux qalbhom. Ostakli se jkun hemm dejjem u t-telgħa mhix faċli, iżda meta wieħed jemmen fih innifsu u jaħdem għal dak li vera jrid, jirnexxi. Agħmel l-almu tiegħek kollu u l-kumplament ħallih f’idejn Alla!

Ekonomija

Sport