Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt dan l-isport minn ta’ etá żgħira u sal-lum il-ġurnata baqa’ ta’ kuljum parti minn hajti li dejjem insib bilanċ bejn ix-xogħol li nħalli biżżejejd ħin biex inkun nista’ nibqa’ għaddej bil-karriera fil-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Tarxien Rainbows FC.
Din hija t-tieni sena tiegħi ma’ Tarxien u bl-affarijiet kif qed jiġu mmexxijin juri biċ-ċar li dal-klabb l-intenzjonijiet huma li jerġa’ jitla’ mat-timijiet il-kbar fil-Malta Premier. Għalkemm l-istaġun li għadda ma kienx wieħed daqshekk pożittiv xorta komplejna nibnu fuq it-tajjeb li kellna biex ikollna staġun aħjar u li sa issa għadna biċ-ċans li jkun wieħed memorabbli.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?
Meta tqis kollox, kien wieħed tista’ tgħid pożittiv s’issa fejn mal-ewwel urejna x’inhuma l-objettivi tagħna. L-injuries tista’ tgħid li kienu wieħed mill-fatturi kontrina fejn għaddejna minn żmien li kellna ħafna f’daqqa li wasslu għall- kontinwitá ta’ riżultati negattivi. Wara li rkuprajna ħafna mill-plejers, erġajna qbadna r-ritmu tagħna u erġajna ksibna riżultati pożittivi fejn erġajna rajna t-tim tagħna ma’ ta’ fuq.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Wara l-istaġun li għadda, l-ewwel objettiv ta’ dan l-istaġun kien li nkunu mal-ewwel tmienja sa meta jiġu biex jinqasmu t-timijiet. Wara li rnexxielna, minn hemm imbagħad il-klabb beda jħares ‘il quddiem u jaħdem biex flimkien nippruvaw nilħqu tragward ieħor li m’huwiex faċli peró possibli li hija li niġġieldu għall-promozzjoni għall-Malta Premier. Tragward ieħor li kollha kemm aħna bħala klabb qegħdin inżommu f’moħħna wkoll hija li navvanzaw fit-Tazza l-ġdida li saret bejn it-timijiet tal-BOV Challenge League li hija l-‘BOV Challenge Cup’.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Ħa nitkellem fuq il-BOV Challenge League għax il-kampjonati l-oħrajn ma tantx insegwihom. Sena wara sena l-BOV Challenge League dejjem qiegħed isir iktar bilanċjat u l-livell u esperjenza ta’ plejers dejjem jitjieb. Dejjem qegħdin naraw iktar timijiet li qed jinvestu biex jiksbu l-promozzjoni għall-Malta Premier. Ma ninsewx ukoll li dawn l-aħħar snin rajna timijiet bħal Sliema u Valletta li huma ta’ esperjenza u storja kbira li żiedu l-livell ta’ dan il-kampjonat.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds it-timijiet tal-BOV Challenge League nilagħbu fis-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium li t-tnejn huma tajbin speċjalment li semmejt l-aħħar għax għadu kemm jinbidel. Għat-taħriġ ta’ kuljum ukoll għandna grawnd tajjeb li l-klabb għandu disponibbli fir-raħal tiegħu u li jinżamm ta’ kuljum fi stat tajjeb.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Għalissa moħħi qiegħed biss fuq dan l-istaġun li kulma fadlilna huwa ftit logħob u li għadu jrid jiddetermina jekk huwiex ħa nkunu promossi jew le fil-Malta Premier. Hekk imbagħad wara li jgħaddi dan l-istaġun, nieħu waqfa żgħira ta’ ftit ġimgħat u nerġa’ nibda naħseb għal staġun ieħor.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol huwa sport sabiħ li jgħinek fiżikament u anke mentalment u li jgħinek tiżviluppa ċerti valuri matul il-ħajja. Bħal kollox ikollu t-tajjeb u l-ħażin peró huwa sta għalik li tuża dawk il-mumenti tal-inżul li jkollok fil-futbol biex titla’ iktar b’saħħtek fil-ħajja tiegħek. Għalkemm dan l-isport jirrikjedi dedikazzjoni kbira u sagrifiċċji speċjalment ħin ‘il boghod mill-familja, ċert li fl-aħħar dejjem jagħtik is-sodizfazzjon u memorji li ġġorrhom għal ħajtek kollha kemm lilek u lill-familja tiegħek li dejjem ikunu hemm biex jagħtuk is-sapport.